fbpx

Ħaddiema fl-FES sodisfatti li se jkomplu jibgħatu ‘l uliedhom għal SkolaSajf

Ħaddiema impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) se jkomplu jserrħu rashom u jkomplu jibgħatu lil uliedhom għall-programm SkolaSajf.

Dan wara li fil-jiem li għaddew kienu wrew it-tħassib tagħhom wara  li marru jirreġistraw lil uliedhom għall-programm edukattiv matul il-vaganzi tas-Sajf.

Dawn il-ħaddiema kienu  ltaqgħu ma’ sitwazzjoni xejn pjaċevoli għax intqalilhom li l-prezz tal-programm SkolaSajf ġie sussidjat u xorta jridu jħallsu l-miżata. Jidher li qabel kien hemm prassi fejn il-ħaddiema ma kinux iħallsu imma din is-sena, f’daqqa waħda, l-affarijiet inbidlu u l-ħaddiema tal-FES intqalilhom li wkoll iridu jħallsu.

Malli saret taf b’din is-sitwazzjoni, Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of  the Workers indirizzat il-każ minnufih mal-awtoritajiet konċernati fil-FES.

Wara  li saru taħditiet mal-Kap Eżekuttiv  tal-FES  kif ukoll mal-ħaddiema infushom, intlaħaq qbil dwar arranġament li l-ħaddiema jħallsu miżata ta’ reġistrazzjoni għall-programm SkolaSajf li tiswa €25. Intlaħaq ukoll qbil li jekk iridu jestendu s-sigħat u jagħmlu użu mill-programm  Klabb 3-16 fis-Sajf kif  ukoll fix-Xitwa, il-miżati jiġu rinunzjati.

“Dan  l-arranġament hu ta’ sodisfazzjon kemm għall-UĦM Voice of the Workers kif ukoll għall-ħaddiema. L-impjegati tal-FES joffru servizz lin-nisa li  jħadmu u huma wkoll qed jieħdu xi ħaġa lura għax qed isibu lil min qed jieħu ħsieb lil uliedhom”, sostniet Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment