fbpx

Ħaddiema ta’ Steward u VGH jingħataw l-istess kundizzjonijiet bħall-impjegati tal-Gvern

Ħaddiema ta’ Steward Health Care se jibdew igawdu mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-impjegati tas-settur pubbliku bis-saħħa ta’ ftehim li ntlaħaq mill-UĦM Voice of the Workers. Josef Vella, CEO tal-UĦM iddeskriva dan l-iżvilupp bħala rebħa mhux biss għall-union u għall-ħaddiema, iżda wkoll għal dawk kollha li jemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs. “Dan il-ftehim ifisser rebħa kontra l-prekarjat li fl-aħħar snin kien wassal biex ħaddiema ta’ Steward kienu qed jitħallsu eluf inqas fis-sena mill-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-Ministeru tas-Saħħa minkejja li kienu jagħmlu l-istess xogħol,” hu sostna.

Il-kwistjoni tmur lura għall-2016 meta l-Gvern kien ipprivatizza tliet sptarijiet pubbliċi: l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, San Luqa u Karin Grech – li kienu għaddew għand Vitals Global Healthcare (VGH) għal 30 sena. Fl-2017 VGH għaddiet il-konċessjoni lil Steward. Filwaqt li l-Gvern qed iħallas aktar minn €50 miljun fis-sena, il-kumpanija mhux talli ma onoratx ċertu obbligi li tagħmel investiment kapitali fis-servizz tas-saħħa fosthom ir-rinnovar ta’ San Luqa u l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, talli bdiet timpjega ħaddiema biex jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ dawk fis-servizz pubbliku b’kundizzjonijiet inferjuri.

Minn analiżi li kienet saret mill-UĦM irriżulta li fuq medda ta’ erba’ snin ċertu ħaddiema kienu qalgħu sa €6,800 inqas mill-kollegi tagħhom tal-Gvern minkejja li kienu qed jagħmlu l-istess xogħol. Dan apparti kundizzjonijiet oħra inferjuri dwar vacation leave, allowances u family-friendly measures. Minkejja l-appelli tal-union biex il-Gvern jintervjeni u jwaqqaf dan il-prekarjat ma kien hemm l-ebda progress b’riżultat li l-UĦM ma kellhiex triq oħra ħlief li tieħu azzjonijiet industrijali.

Madanakollu, l-insistenza u l-pressjoni tal-union ħallew il-frott u l-Gvern issa aċċetta li jassorbi l-ħaddiema ta’ Steward Health Care u dawk li kienu ġew impjegati minn VGH ukoll. Dawn il-ħaddiema se jkunu qed jiġu trasferiti fuq il-kotba tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bl-istess kundizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li jgawdu minnu mpjegati fis-servizz pubbliku.

Barra minn hekk f’dan il-proċess ta’ assimilazzjoni se jkun qed jiġi żgurat li s-snin ta’ servizz li dawn il-ħaddiema għamlu mal-kumpanija jkunu trasferiti fl-iskala rispettiva tagħhom daqs li kieku kienu ilhom impjegati tal-Gvern mill-bidu nett. Minbarra din il-kwistjoni, UĦM Voice of the Workers kienet esprimiet tħassib u saħansitra appellat lill-Gvern biex iħassar il-kuntratt ma’ Steward, fl-isfond tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li kienet saret mill-Awditur Ġenerali. Fost affarijiet oħra kien irriżulta li s-sejħa għall-interess kienet sar b’kollużjoni sħiħa bejn il-Gvern u l-VGH u mhux skont il-liġi.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment