“Jeħtieġ li jkun hemm appoġġ politiku biex il-kooperattivi jitħallew jaħdmu bla xkiel.” Dan kien messaġġ li spikka waqt konferenza dwar l-Erasmus + Business Incubator Project li saret fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana.
Il-konferenza kienet organizzata minn UĦM Voice of the Workers flimkien mal-Fondazzjoni Nowy Staw mill-Polonja u ċ-Ċentru għax-Xogħol mill-Estonja, li kienu msieħba fil-proġett.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li hi l-prerogattiva ta’ kull pajjiż Ewropew sabiex jinsisti dwar policies li jgħinu lill-ħaddiema jadattaw għal bidliet fis-suq.
Hu fisser li l-proġett Erasmus + ilu attiv sa minn Mejju tas-sena li għaddiet fejn l-għan primarju hu li jkun provdut appoġġ sħiħ għal gradwati tal-iskola vokazzjonali li qed jippjanaw biex jiftħu n-negozju tagħhom. Għalhekk l-importanza ta’ inkubaturi dwar in-negozju. Dan ix-xenarju mhux ġdid għal Malta, għalkemm għad fadal aktar xi jsir biex il-mentalita’ li wieħed jidħol fl-imprenditorija tidħol fil-psikoloġija taż-żgħażagħ.
Il-preparazzjoni ta’ imprendituri żgħażagħ għal funzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol teħtieġ l-iżvilupp ta’ metodi u għodda effettivi.
Sabiex ikun hemm mekkaniżmu tajjeb li jappoġġja inkubatur dwar in-negozju, irid ikun hemm qafas serju li jaħdem. Josef Vella qal li l-istudenti jistgħu jedukaw lilhom infushom biex jagħmlu suċċess personali u jippenetraw is-suq tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-istudenti jridu jkunu mgħallma li negozju ma jfissirx biss li wieħed ikollu ħin ħieles u sigħat flessibbli. Li wieħed ikollu negozju jfisser l-allokazzjoni ta’ aktar sigħat ta’ xogħol f’negozju li jrid jikber. L-istudenti jridu jitgħallmu l-ħiliet neċessarji, kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika, mill-post tax-xogħol. Il-prattika tax-xogħol għall-istudenti f’intrapriżi stabbiliti hi kruċjali għas-suċċess.
Josef Vella żied li l-kwistjoni tal-finanzi trid tkun indirizzata mill-aktar fis, għax il-kapital biex wieħed jibda negozju, hu l-ikbar ostaklu għal min irid ikun imprenditur.
Philip von Brockdorff, il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fil-Fakulta’ tal-FEMA fl-Universita’ ta’ Malta tratta s-suġġett tax-xogħol u l-impjiegi f’Malta. Hu qal li r-rata tal-qgħad fost il-ħaddiema żgħażagħ f’Malta hi baxxa meta mqabbla ma’ rati oħrajn ta’ qgħad f’pajjiżi Ewropej, bħal Spanja u l-Greċja. Hu qal li hemm żewġ statistiċi li permezz tagħhom wieħed janalizza l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol – il-Labour Force Survey u dik tal-ETC.
Dr. von Brockdorff qal li r-realta’ f’Malta hi waħda fejn bħalissa hawn 40,000 ħaddiem minn terzi pajjiżi li huma parteċipi fis-suq tax-xogħol. X’qed ikun l-effett ta’ dawn il-ħaddiema barranin fuq il-ħaddiema Maltin? Numru ta’ impjiegi, li mhux qed jittieħdu mill-Maltin, qed imorru għand ħaddiema minn terzi pajjiżi. Iżda bħalissa qed ikun hawn restrizzjonijiet fil-ħruġ ta’ permessi għax-xogħol lil dawn il-ħaddiema.
Dr. von Brockdorff sostna li l-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin jippreferu li jsibu impjieg mal-gvern milli mal-privat. Hu saħaq li jeħtieġ isir studju dwar kif is-suq tax-xogħol irid jevolvi; irridu niġu b’numru ta’ proposti biex nindirizzaw dawn l-isfidi. Il-UĦM Voice of the Workers tibqa’ tenfasizza li għandu jingħata appoġġ lill-ħaddiema barranin biex drittijiethom ma jkunux mittiefsa. “Irridu wkoll nanalizzaw iċ-ċifri marbutin mal-popolazzjoni Maltija u kif din taffettwa s-suq tax-xogħol. Irridu wkoll nevalwaw in-numru ta’ ħaddiema Ewropej u ħaddiema oħrajn li mhumiex ġejjin mill-UE u kif dawn jolqtu s-salarji f’Malta,”sostna Dr. von Brockdorff.
John Mallia, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija MediaCoop qal li l-UĦM Voice of the Workers tara l-vijabbilta’ tal-kooperattivi għax dawn isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema. Hu qal li l-kooperattivi, fl-aħħar mill-aħħar, huma negozji demokratiċi b’kuxjenza soċjali. Il-kooperattivi huma mifruxa f’94 pajjiż, bis-sehem ta’ biljun ħaddiem.
Hu qal li s-sitwazzjoni dinjija hi tali fejn is-sinjuri qed ikomplu jistagħnew. Il-filosofija tal-kooperattivi għandha tkun imħaddma għax din tisħaq li l-ġid għandu jinfirex ma’ kulħadd – għax kulħadd jista’ jagħmel id-differenza. Sfortunatament il-kultura tal-lum hi wisq iffukata fuq l-individwaliżmu.
John Mallia irrefera għall-istorja tal-kooperattivi f’Malta, fejn l-ewwel kooperattiva dwar l-agrikoltura twaqqfet fl-1947. Fis-snin Disgħin, il-kooperattivi tal-ħaddiema komplew jiżviluppaw f’diversi setturi, fosthom, fit-trasport u fil-media. Illum f’Malta hawn 70 kooperattiva b’5,200 membru u li bejniethom jiġġeneraw €76 miljun fis-sena, jiġifieri perċentwal tal-Prodott Domestiku Gross. Waħda mill-kooperattivi hi dik tal-Maritime Pilots, li twaqqfet bis-sehem tal-UĦM Voice of the Workers. Fis-snin li għaddew, il-Gvern ta inċentivi lil numru ta’ ħaddiema biex iwaqqfu kooperattivi. Il-Fond Ċentrali tal-Kooperattivi hu fundamentali biex jinstabu l-finanzi fil-ħolqien ta’ intrapriża. John Mallia saħaq li l-kooperattivi joħolqu l-impjiegi.
Hu spjega kif fil-kriżi finanzjarja tal-2008, ħafna kumpaniji kbar fallew imma l-kooperattivi baqgħu fuq saqajhom għax ma ntlaqtux ħażin.
Fl-2014, il-gvern attwali ta’ Malta kien enfasizza dwar l-importanza tal-kooperattivi iżda minkejja l-kliem kollu li jintqal, il-kooperattivi mhumiex qed jitħallew jisfruttaw il-fondi eliġibbli għalihom. Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li l-ħaddiema għandhom ikollhom iżjed vuċi biex jimirħu fl-ispirtu kooperattiv. Il-UĦM ukoll tisħaq dwar il-kooperazzjoni soċjali għax din tgħin lil min hu żvantaġġjat biex joħloq il-ġid.
John Mallia stqarr li għad fadal xi jsir dwar il-kooperattivi f’Malta, fosthom, il-bżonn ta’ bank tal-kooperattivi. Hu qal li hemm il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni fl-intrapriża fl-iskejjel sabiex iż-żgħażagħ ikomplu jitrawmu ħalli jaħdmu flimkien. Jeħtieġ ukoll li wieħed jindirizza d-diskriminazzjoni fost il-federazzjonijiet.
John Mallia qal li l-aħħar kooperattiva li twaqqfet kienet dik magħmula mill-fiżjoterapisti, kooperattiva li l-ħsieb warajha tnissel mill-UĦM Voice of the Workers. Kooperattiva partikulari li tista’ titwaqqaf hi dak marbuta mal-vetturi u dan biex tittaffa l-problema tal-parkeġġ f’pajjiżna.
UĦM Voice of the Workers tappella lill-Gvern biex jagħti opportunita’ lill-ħaddiema jkollhom qafas legali sabiex jorganizzaw ruħhom f’kooperattivi. Il-ħaddiema f’kooperattiva għandhom il-kapaċita’ li jtejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom.
Erik Flask, id-Direttur dwar l-Innovazzjoni u l-Intrapriża fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) qal li wieħed irid jiffoka aktar fuq l-istudent milli l-istruttura edukattiva. Jidher li filwaqt li l-istudenti huma diversi u kurjużi, l-istess kurżita’ qed tinqatel.
Erik Flask fisser il-viżjoni tal-MCAST dwar l-intrapriża, partikularment il-ħiliet li l-istudenti jridu jiksbu biex għada pitgħada jiftħu negozju. L-istudenti għandhom ikunu informati u fl-istess ħin jingħataw l-opportunita’ sabiex ikunu kreattivi. Iċ-Ċentru tal-Intrapriza fi ħdan l-MCAST qed jimmira biex jipprovdi opportunita’ lill-istudenti u lill-gradwati ħalli jiżviluppaw l-għarfien u t-talenti tagħhom fl-intrapriża.
Erik Flask stqarr li l-MCAST irid jinvolvi iżjed lill-istudenti żgħażagħ sabiex jistimulaw lilhom infushom u jkunu iżjed kreattivi fil-ħolqien ta’ kunċetti ġodda. “Bl-innovazzjoni, wieħed jista’ jagħmel suċċess fl-intrapriża. Għaldaqstant għandna nħallu lill-kreattivita’ tkun protagonista fil-ħolqien ta’ intrapriża,”sostna Erik Flask.
Il-konferenza ssoktat bis-sehem ta’ tliet preżentazzjonijiet awdjo-viżivi kif ukoll workshops bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn Malta, mill-Polonja u mill-Estonja dwar it-triq ‘il quddiem biex aktar żgħażagħ jaqbdu l-linja tal-imprenditorija.
Il-konferenza intemmet b’diskors minn Carm Mifsud Bonnici, kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Relazzjonijiet Industrijali u Drittijiet tal-Ħaddiema. Hu qal, fost oħrajn, li rridu naraw aktar ħaddiem biex jiġu b’ideat innovattivi u jsarrfuhom fi proġetti jew inizjattivi.
Hu stqarr li r-realtajiet tal-lum juru ċirkostanzi fejn persuni li fallew f’xi xogħol partikulari jridu jibdew mill-ġdid. Għaldaqstant wieħed m’għandux jaqta’ qalbu imma jkun kreattiv u jfittex toroq ġodda, fosthom dik tal-intrapriża.
Hu stqarr li hawn numru ta’ ħaddiema, bħal dawk fil-korpi dixxiplinarji, li spiċċaw mis-servizz iżda ma waqfux hemm, anzi involvew ruħhom fin-negozju.
Carm Mifsud Bonnici rrefera għall-istatistika tal-Unjoni Ewropea (EUROSTAT) li ġiet pubblikata proprju din il-ġimgħa li wriet żieda fin-numru ta’ ħaddiema Ewropej part-time….il-maġġoranza tagħhom nisa.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Relazzjonijiet Industrijali u Drittijiet tal-Ħaddiema qal li hawn ħafna persuni li għandhom ideat innovattivi iżda mhux qed jingħataw l-appoġġ, meħtieġ, speċjalment mill-banek.