Il-UHM Voice of the Workers permezz tat-Taqsima tal-Edukazzjoni u Solidarjetà Soċjali iffirmat il-ftehim kollettiv tal-Fondazzjoni ta’ Servizzi Soċjali (FSWS). Il-ftehim se jkopri 6 snin mil-2022 sal-2027 u se jgawdu minnu madwar 1,000 ħaddiem.
Dan il-ftehim japplika fost l-oħrajn għal professjonisti fosthom psychotherapists, psychologists, youth workers, counsellors, social workers, family therapists, kif ukoll risk assessors, community workers, social welfare professionals, practitioners, support workers li jaħdmu fir-residenzi ta’ tfal, dawk fil-qasam tal-vjolenza domestika, Aġenzija Sedqa, ħaddiema tas-servizz 179 kif ukoll dawk li jaħdmu fl-amministrazzjoni. Il-ftehim qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll is-salarji. Barra min jirrikonoxxi lis-social welfare professionals li l-grad tagħhom mhux marbut ma’ warrant.
L-FSWS toffri servizzi u terapija fis-skiet liema servizzi jmissu ma’ ħafna familji f’mumenti ta’ vulnerabbiltà, mard u diffikultà. Għalhekk huwa mportanti li ninċentivaw u nirrikonoxxu x-xogħol tagħhom b’kundizzjonijiet xierqa u bi flessibbiltà, b’sigħat mnaqqsa f’każ ta’ studju jew minħabba mard fil-familja, tisħiħ fil-ġranet tal-istudy leave u continuous professional development.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM, Josef Vella faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali li tant jagħmlu ġid fis-skiet, b’piż emozzjonali u ħidma bla ħinijiet. ‘‘Huwa t’unur għalina bħala UHM li niffirmaw agreements bħal dawn li se jkomplu jtejbu l-kundizzjoni ta’ madwar elf ħaddiem. Kemm tagħmel frott u xi kwalità ta’ frott tiddependi mill-ħidma tal-ħaddiema infushom, u għalhekk nappella għal ħidma akbar f’dan is-settur tant importanti’’, stqarr is-Sur Vella.