Il-UĦM Voice of the Workers tikkundanna, bla riservi, każ ta’ aggressjoni vjolenti li seħħ fuq xufier tal-Malta Public Transport (MPT) nhar it-Tlieta 18 ta’ Ġunju 2019.
Minn tagħrif li għandha din il-union, irriżulta li xufier Pakistani li hu memru ta’ din il-union, kien qed isuq xarabank fuq ir-rotta li twassal għal Ħad-Dingli. Hekk kif kien riesaq qrib ir-roundabout qabel il-Villa Rumana fir-Rabat, ix-xufier sema’ l-qampiena ddoqq wara li qabeż l-istejġ. Imbagħad passiġġier Malti għajjat lix-xufier biex iwaqqaflu imma x-xufier qal lill-passiġġier li kien diġa’ qabeż stejġ u allura hu kellu jieqaf fl-istejġ li jmiss skont il-proċedura tal-kumpanija.
Il-passiġġier resaq qrib ix-xufier u allegatament insulta lix-xufier bil-Malti. Hu u nieżel mix-xarabank, il-passiġġier allegatament beżaq f’wiċċ ix-xufier u ta ukoll bis-sieq lill-ġenb tax-xarabank.
Ix-xufier waqqaf ix-xarabank u niżel biex jara x’ġara u dlonk sab lill-passiġġier jistennih. Dan kompla jgħajjat max-xufier, bl-impjegat tal-MPT jistaqsi lill-passiġġier għala qed jaġixxi hekk. F’daqqa waħda l-passiġġier għamel għax-xufier u beda jagħtih bil-ponn. Ix-xufier spiċċa mal-art u qed ikun allegat li ġie migdum u qala’ daqqiet ta’ sieq mill-passiġġier. Passiġġier ieħor Malti li kien abbord ix-xarabank niżel mill-vettura u pprova jintervjeni, bl-għajnuna ta’ sewwieq barrani li wkoll waqaf biex jagħti l-assistenza tiegħu. Il-passiġġier, imbagħad, ħarab mill-post.
Ix-xufier ittieħed għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid u nstab li ġarrab diversi ġrieħi. L-istess xufier ukoll għamel rapport mal-Pulizija li qed tinvestiga dan l-każ.
Il-UĦM Voice of the Workers għal darba oħra tikkundanna dan l-inċident serju u tisħaq li m’għandhomx jiġu ttollerati każi ta’ vjolenza fuq il-ħaddiema, partikularment dawk li huma membri tagħha. Din il-union, filwaqt li turi solidarjeta’ mal-ħaddiem membru tagħha, tappella lill-awtoritajiet sabiex jieħdu dan il-każ bis-serjeta’ u jaraw li tittieħed azzjoni mill-aktar fis kontra l-aggressur.