“L-attitudni aggressiva u l-militanza ma jġibux ir-riżultati imma hija l-bżulija fid-direzzjoni t-tajba li twassal għas-suċċessi.”.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt żjara ta’ kortesija li l-Ambaxxatur tal-Ġermanja għal Malta Walter Haβmann għamel lil din il-union fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana nhar it-Tlieta 21 ta’ Mejju 2019.
Josef spjega li l-UĦM Voice of the Workers hi waħda minn żewġ unions ġenerali f’Malta li hija involuta fis-setturi ekonomiċi kollha tal-pajjiż. Hu qal li l-UĦM mhux biss involuta fil-provvediment ta’ servizzi marbutin mar-relazzjonijiet industrijali lill-membri kollha imma wkoll hi membru tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Josef Vella fisser ukoll l-impenn ta’ din il-union fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ Dr. Philip von Brockdorff li jirrapreżentaha fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC).
Il-Kap Eżekuttiv irrefera għall-mewġa ta’ populiżmu fl-Ewropa li hi ta’ tħassib għal din il-union. Qed isiru sforzi biex l-Unjoni Ewropea tkun aktar viċin in-nies, partikularment viċin il-ħaddiema. Sfortunatament il-UE mhix taħdem biżżejjed biex tissalvagwardja l-valuri u l-prinċipji u kif dawn jittraduċi ruħhom fil-kuntest Malti.
Hu żied li meta niġu biex nitkellmu fuq ix-xenarju lokali, qed naraw li l-estremiżmu qed jgħolli rasu. “Jekk ma nindirizzawx din l-isfida jista’ jkollna l-problemi ‘l quddiem”, sostna Josef Vella. Hu qal li rridu nagħmlu l-kunċett tal-Unjoni Ewropea aktar tanġibbli fejn in-nies jaċċettawha, iħossuha u jarawha li qed tagħmel effett.
Josef Vella stqarr li wieħed minn kull erba’ ħaddiema f’Malta hu barrani u l-UĦM Voice of the Workers tisħaq li l-pajjiż ma kienx ippreparat għall-influss ta’ ħaddiema barranin – la kulturalment u lanqas infrastrutturalment.
Barra minn hekk, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li l-union għandha wkoll il-fergħa edukattiva tagħha FSS Ltd. u l-filosofija tal-union hi l-edukazzjoni tkun il-fattur kruċjali li jista’ jagħmel differenza. Meta titkellem fuq l-edukazzjoni l-UĦM Voice of the Workers tkun qed tirreferi għall-ħiliet, tant hu hekk li hi responsabbli mill-programm Youth Guarantee f’Malta.
Fid-dawl tal-qawmien tal-estremiżmu fl-Ewropa, l-edukazzjoni u l-informazzjoni li tingħata lin-nies jistgħu jagħmlu differenza.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Haβmann staqsa dwar is-sħubija tal-membri tal-union u Josef Vella fisser li wara l-aħħar Konferenza Ġenerali li saret fl-2015, l-istruttura tal-union inbidlet. Hu qal li l-union tkopri s-setturi tradizzjonali imma wkoll tinkludi pilastri oħrajn, bħal, koperattivi, in-house unions u assoċjazzjonijiet.
L-Ambaxxatur Haβmann qal li b’mod ġenerali l-unions fil-Ġermanja qed jitħabtu biex ikomplu jiffunzjonaw għax is-sħubiji tagħhom qed jonqsu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li fil-każ ta’ din il-union, dan mhux il-każ. Għall-kuntrarju, il-UĦM Voice of the Workers rat żieda fil-membri matul dawn l-aħħar erba’ snin. Dan ma jfissirx li l-union m’għandix l-isfidi tagħha. Meta l-UĦM Voice of the Workers bidlet l-istatut tagħha, hi riedet tagħmel il-bidliet neċessarji skont iż-żmien sabiex tibqa’ rilevanti.
Josef Vella saħaq, iżda, li hawn nuqqas f’dik li għandha x’taqsam is-solidarjeta’. In-nies illum ifittxu s-servizzi u l-UĦM Voice of the Workers tagħmel almu tagħha sabiex twassal l-servizzi professjonali. Madankollu trid tinstab riċetta dwar kif is-solidarjeta’ tiġġedded; l-individwaliżmu għandu jkun indirizzat għax ħafna nies illum jaħsbu biss fihom infushom. Dan jirrifletti x’qed jiġri fil-pajjiż, partikularment bil-livell ta’ politika f’Malta jieħu daqqa ‘l isfel.
Josef Vella żied li sfortunatament hemm barra għad hemm l-idea li persuna tirrikorri għand il-union jekk tintlaqat minn xi kwistjoni. Il-UĦM Voice of the Workers illum qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi differenti fil-postijiet tax-xogħol. Illum il-ġenituri li qed joħorġu jaħdmu ftit li xejn qed jibqagħlhom ħin fil-ġurnata mal-ulied. Qed jirrenja wkoll l-individwaliżmu fil-familja għax flok il-membri tal-familja jissoċjalizzaw u jiddiskutu flimkien, illum qed jirbaħ il-mowbajl. Dan it-tip ta’ individwaliżmu ma jgħinx lis-solidarjeta’.
Dwar il-preżenza tal-media soċjali fil-union, Josef Vella qal li l-UĦM tinsab preżenti permezz ta’ Facebook u għandha wkoll il-mekkaniżmi interni biex tikkomunika mal-membri tagħha. Dan tagħmlu b’mod informattiv permezz tal-portal Voice of the Workers.
L-Ambaxxatur Ġermaniż staqsa wkoll jekk il-union tassistix lill-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi biex jissieħbu fil-union.
Josef Vella stqarr li f’każijiet fejn il-UĦM għandha preżenza fis-suq tax-xogħol speċjalment fejn hemm ftehim kollettiv li jħares x-xogħol, il-ħaddiema Maltin jew barranin jersqu lejn il-union biex jissieħbu. F’postijiet fejn il-UĦM m’għandhiex preżenza b’saħħitha, l-affarijiet huma diffiċli. Dan għax il-maġġoranza tal-ħaddiema f’dawn il-postijiet ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi u ma jaħdmux f’post partikulari. Ħafna minn dawn il-ħaddiema jinstabu fis-settur tal-caring. Hemm ukoll il-kwistjoni tat-trejdunjoniżmu u l-mod kif ċittadini ta’ pajjiżi terzi jħarsu lejh. Uħud jibżgħu jagħmlu l-pass biex jissieħbu f’union. Ħaddiema li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, għall-kuntrarju, huma mdorrija bi sħubija f’union u għalihom hija xi ħaġa permessibbli.
Dwar il-ftehim kollettivi, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li dawn jieħdu l-maġġoranza tax-xogħol fil-union. Matul is-sena li għaddiet, sar iffirmar ta’ ftehim kollettiv fuq medja ta’ disat ijiem. Minbarra ftehim kollettivi, il-UĦM Voice of the Workers tagħmel ftehim settorali u ftehim mas-settur privat.
L-Ambaxxatur Haβmann irrimarka li l-postijiet tax-xogħol qed jiffaċċjaw ħafna sfidi llum u l-unions tabilħaqq għad għandhom irwol importanti fir-relazzjonijiet industrijali u fis-suq tax-xogħol.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm Jesmond Bonello, Direttur; Edwin Balzan, Assistent Direttur u Gian Paul Gauci, Assistent Direttur għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers.
L-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta kien akkumpanjat minn Olaf Rieck, il-Kap għall-Affarijiet Ekonomiċi u minn Jan Neudenberger, Konsulent Legali tal-Ambaxxata.