fbpx

Il-Gvern mhux jimpenja ruħu biex jevita t-tħassir tas-servizz provdut mid-dentisti

Il-UĦM Voice of the Workers qed tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-qagħda tad-dentisti fis-servizz pubbliku. Dawn il-professjonisti qed jiġu injorati u mhumiex qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa mill-Gvern sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jitjiebu.

Fl-2008 daħal fis-seħħ l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa. Iżda peress li l-aħħar ftehim settorali tad-dentisti kien sar fl-1993, għal UĦM Voice of the Workers dan il-ftehim ma għadux jirrifletti r-realtajiet ġodda tal-lum.

Fil-proposti li kienet bagħtet lill-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena, din il-union irreflettiet dan it-tibdil iżda l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jasal għall-ftehim aħħari. Il-UĦM Voice of the Workers kienet irċeviet kontroproposta mill-Gvern fis-sajf li għadda, iżda din kienet tinvolvi t-tnaqqis tal-paga tad-dentisti. Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers ma kellhiex triq oħra ħlief li tissokta bl-azzjonijiet industrijali.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-entratura tal-Isptar Mater Dei, li din il-kontroproposta hija arroganti għax tfisser li d-dentisti se jieħdu €2,000 inqas minn dak  li għandhom illum. “Dan l-atteġġjament qed jirredikola l-proċess tal-ftehim settorali, tad-djalogu soċjali”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.

Id-dentisti li jaħdmu mas-servizz pubbliku qed jixbgħu jiġu mgħoddija biż-żmien. Id-dentisti jagħmlu minn kollox biex jieħdu ħsieb ħalq il-pażjent biex is-snien ma jitħassrux imma l-Gvern qed jittratieni u mhux qed jimpenja ruħu biex is-servizz provdut mill-professjonisti ma jitħassarx.

Barra minn hekk, il-qagħda tad-dentistrija fis-servizz pubbliku qed ikollha problemi fin-numru tad-dentisti Maltin. Fl-aħħar ħames snin, mill-40 dentist li ggradwaw, tmienja minnhom ġew impjegati fis-servizz pubbliku. Minn dawn it-tmienja, diġa’ hemm erbgħa li waqqfu jaħdmu mal-Gvern. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li dan juri li  m’hemmx pjan għad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Hu żied li din hi prova ċara kemm il-kundizzjonijiet eżistenti tad-dentisti mhumiex adekwati.

Din il-union hi infurmata li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jimpjega ħaddiema minn pajjiżi terzi, flok iħarreġ u jżid aktar dentisti Maltin jew Ewropej. Dan mhux lok ta’ tħassib għal dan il-Gvern, anzi jinsab komdu li jingaġġa professjonisti barranin, bil-kundizzjonijiet eżistenti, għad-detriment tal-pazjenti Maltin. Dan għax il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet tal-Gvern qed isibuha diffiċli biex jikkomunikaw mad-dentisti barranin. Jidher li uħud mid-dentisti barranin ma jifhmux bl-Ingliż.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tibgħat messaġġ ċar lill-Gvern biex ma jinqedhiex bil-ħaddiema barranin biex inaqqar mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-fatt li qed tinħareġ sejħa internazzjonali għall-applikazzjonijiet, din il-union tħoss li l-Gvern qed jibgħat messaġġ ħażin li ma jimpurtahx mill-ħaddiema Maltin u lest li jraqqa s-sitwazzjoni b’impjieg offrut lill-barranin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq li din hi theddida fuq in-negozjar tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema  u hi wkoll theddida kbira għad-djalogu soċjali u għall-ħidma trejdunjonistika fil-pajjiż. Josef Vella fakkar li d-djalogu soċjali ma jitfissirx bin-numru ta’ laqgħat li jkunu saru; id-djalogu soċjali jilħaq il-milja tiegħu billi n-negozjati u d-diskussjonijiet jiġu konklużi bi ftehim li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-UĦM Voice of the Workers tħoss li l-Gvern mhux qed jagħti kas ta’ saħħet il-pazjent, l-aktar dawk vulnerabbli, li qed ibatu kawża tad-dewmien u inkejja bla bżonn. Il-Gvern lanqas mhu qed jagħti kas tal-waiting lists li qed jiżdiedu minħabba d-direttivi ordnati minn din il-union u li għadhom fis-seħħ. Il-UĦM Voice  of the Workers qed tħeġġeġ lill-Gvern biex iwarrab l-ebbusija tar-ras u minflok ipoġġi mal-mejda tan-negozjati, jiddiskuti mal-union u jiġi bi proposti serji u konkreti.

“Hija r-responsabbilta’ tal-Gvern li d-dentisti jkollhom ftehim settorali dinjituż”, kompla Josef Vella. Hu appella lill-Gvern biex ikun  effettiv fuq il-mejda tad-djalogu soċjali, ma jkaxkarx saqajh iżjed fuq din is-sitwazzjoni sabiex jevita l-eskalazzjoni tal-azzjonijiet industrijali.

Intant fid-dawl tal-azzjonijiet industrijali li għadhom għaddejjin, il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li l-operazzjonijiet dentali xorta qed isiru filwaqt li qed jiġi provdut servizz bażiku ta’ emerġenza f’każijiet li jinvolvu trawma fis-snin, tnixxija tad-demm u nefħiet fil-wiċċ.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm numru ta’ Employment Relations Managers fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, kif ukoll numru ta’ dentisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment