fbpx

Il-ħaddiem esprima ruħu….ikkonċedi t-telfa [Filmat]

Freeport Logowebsite

“Ħalli ‘l ħaddieħor imexxi għax il-ħaddiem esprima ruħu”. Dan kien  il-messaġġ ta’ Josef  Vella, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM  Voice of the Workers b’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-General  Workers’ Union (GWU) l-għada li tħabbar r-riżultat li l-UĦM rebħet l-elezzjoni fil-Malta Freeport  Terminal.

Josef Vella stqarr li llum ma kinitx il-UĦM Voice of the Workers li ħabbret ir-riżultat tal-elezzjoni imma kienet il-Verification Panel għan-nom tad-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali li ħareġ bir-riżultat – riżultat  li jikkonferma dak li ħabbret din il-union barra l-Freeport nhar it-Tlieta.

F’dan ir-rapport li ntbagħat  lil UĦM Voice of the Workers, lill-General Workers’ Union u lill-management  tal-Freeport, intqal fost oħrajn li 533 ħaddiem ivvotaw u minnhom kien hemm erba’ voti invalidi. Allura t-total ta’ voti mitfugħa ammonta għal 529, li minnhom il-UĦM kisbet 275 vot. Dawn kienu ekwivalenti għal 52 fil-mija tal-voti validi mitfugħa. B’riżultat ta’ dan il-GWU ġabet 48 fil-mija tal-voti validi mitfugħa.

Josef Vella saħaq li l-GWU ma tistax tbagħbas mal-ħbula tad-demokrazija. Hu fisser li kulmeta ssir elezzjoni nitkellmu fuq il-voti validi mitfugħa. Meta nitkellmu fuq elezzjoni ġenerali fil-pajjiż, u ngħidu li partit ġab 52 fil-mija, ma nkunux qed  ngħoddu lit-tfal, lil dawk li m’humiex eliġibbli biex jivvotaw u lil dawk li ma ħarrġux jivvotaw. Għalhekk meta tinfetaħ il-kaxxa  tal-voti, naraw li l-voti validi imorru għalihom u l-voti invalidi jitwarrbu għalihom.

Josef Vella faħħar lid-Direttorat tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali tax-xogħol imprezzabbli li twettaq, tant li rringrazzja lid-Direttur innifisha, Sandra Gatt, għall-mod trasparenti kif ikkomunikat ir-rapport tal-proċess ta’ verifika dwar sħubija trejdunjonistika fil-Freeport.

Il-Kap  Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr  li l-GWU qed tipprova titfa’ dell ikrah fuq kulħadd għax hi tilfet l-elezzjoni. Josef Vella fakkar lill-GWU li s-sena l-oħra l-UĦM kienet fl-istess sitwazzjoni u ma ċemplitx lill-management tal-Freeport biex tieħu sodisfazzjon; anzi meta l-UĦM tilfet bi 48 vot, fi żmien siegħa,  ikkonċediet it-telfa għax f’dik it-telfa l-UĦM baxxiet rasha għal dak li qalu l-ħaddiema.

U l-GWU hekk trid tagħmel – tbaxxi rasha għal dak li qalu l-ħaddiema nhar it-Tlieta. Josef Vella qal li ma tagħmilx differenza jekk ir-rebħa kinitx b’żewġ voti jew bi 28 vot. Din kienet rebħa għall-UĦM Voice of the Workers.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the  Workers kellu kliem iebes għall-GWU u stqarr biex ma  tnissilx  dubji fost il-ħaddiema. “Int ġarrabt telfa u ma jistħoqqlok tagħmel xejn ħlief li tikkonċedi t-telfa,” żied jgħid Josef  Vella.

Hu kompla li l-GWU inqabdet f’mument ta’ paniku filwaqt li fakkar li din  hi t-tieni telfa konsekuttiva li l-GWU kellha mal-UĦM Voice  of the Workers wara dik fil-Malta Public Transport (MPT). Il-GWU, sabiex tiddefendi t-territorju tagħha, qed tipprova tiżra dubji fost il-ħaddiema.

Josef Vella rrefera għal messaġġ li hu rċieva mingħand il-ħaddiema membri fil-GWU wara li spiċċat konferenza tal-aħbarijiet li kienet organizzata mill-GWU l-Erbgħa wara nofsinhar. Il-GWU kitbet lill-ħaddiema u qaltilhom hekk: “Nixtieq infakkrek li l-uniku proċedura ta’  riżenja fi ħdan il-GWU hi dik li int trid tipprovdi r-riżenja tiegħek personalment ġewwa l-uffiċċju tal-GWU il-Belt”.

Josef Vella qal li l-GWU hawn qed tgħid li biex wieħed jirriżenja minnha jrid imur personalment  u juri wiċċu  fl-uffiċċju tal-GWU. “Dan hu t-tbagħbis mad-demokrazija fil-pajjiż….ma tistax thedded lin-nies meta jitilquk”, sostna l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers u żied li “jekk verament tħobb il-ħaddiema fil-Freeport il-GWU għandha bżonn titnaddaf u tinbidel” kif għamlet il-UĦM matul dawn it-334 jum.

Josef Vella fakkar li l-GWU ma attendietx laqgħa li ssejħet fit-13 ta’ April 2016 bi tħejjija għall-elezzjoni fil-Freeport. Dakinhar ebda uffiċjal mill-GWU ma kien dispost jattendi u dan juri kemm il-GWU taw importanza lill-elezzjoni fil-Freeport. F’dik il-laqgħa, meta ġew stabbiliti r-regoli, il-GWU ma attendietx u issa ma tippretendix li għandha tiddetta r-regoli hi stess.

Josef Vella qal li jekk il-GWU verament  tirrispetta lill-ħaddiema, ma tridx tagħmel il-mossa falza li qed tagħmel fejn qed tgħid li trid tagħti  vuċi lil min mhux membru f’union. Dan għax il-GWU trid li jsir l-għadd ta’ dawk li ma vvotawx u ta’ dawk li  mhumiex f’union.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers stqarr  li l-argument  tant  hu irrazzjonali, illoġiku u ma jwassalx li ħaddiema tal-Freeport li huma  membri fil-GWU saħansitra qed jesprimu r-rabja tagħhom fil-konfront tal-GWU. Dawn qed jgħidu li la l-GWU tilfet l-elezzjoni, il-ħajja trid tkompli sabiex il-ħidma lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet  tax-xogħol tissokta b’risq il-ħaddiema infushom u  l-familji tagħhom.

Sadattant il-UĦM qed tistenna lill-management tal-Malta Freeport Terminal biex fi żmien immedjat tibgħat l-ittra ta’ rikonoxximent lil UĦM Voice of the Workers ħalli n-negozjati jibdew minnufih u jkun ippreżentat ftehim  kollettiv għall-ħaddiema fi żmien tliet xhur.

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment