Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) se tkompli bil-ġlieda tagħha sabiex il-ħaddiema fl-MPT ikollhom ftehim kollettiv b’saħħtu.
Dan saħqu Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, meta kellem lix-xufiera tal-MPT fil-venda tal-Belt waqt li kienu għaddejjin b’azzjoni industrijali li ġiet ordnata mill-General Workers’ Union (GWU) ilbieraħ.
Josef Vella rringrazzja lill-ħaddiema li, flimkien magħqudin, urew solidarjeta’ għax kwistjoni li wasslet għall-azzjoni industrijali tal-bieraħ kienet ilha għaddejja żmien twil.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM staqsa lill-ħaddiema kemm kienu ilhom jistennew ftehim kollettiv li jixraq lill-ħaddiema f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Hu stqarr li l-ħaddiema tal-MPT qatt ma kellhom ftehim kollettiv komplut. “Wasal iż-żmien li ma nibqgħux inkaxkru saqajna; ma nistgħux nibqgħu niġġieldu fuq punt wieħed biss”,sostna Josef Vella filwaqt li fisser li “ftehim kollettiv għall-ħaddiema jkopri ħafna punti, inkluż salarji u titjib ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM irrimarka li “spiċċajna f’sitwazzjoni fejn nitħassru ż-żwiemel bil-karozzini, u hekk għandu jkun; iżda x-xufiera m’għandhomx fejn joqogħdu bil-qiegħda u m’għandhomx canteen fejn imorru jieklu; tant li sirna nitħassru żiemel u ma nitħassrux ħaddiem”.
Hu saħaq li l-kwistjonijiet mal-MPT għandhom jingħalqu u ma jistax ikun li ssir azzjoni industrijali kull tliet xhur sabiex il-union tisħaq dwar xi punt partikulari. Hu u jindirizza lill-kumpanija Spanjola, Autobuses de Leon, Josef Vella fakkar lill-management li Malta ma tinsabx f’pajjiż tat-Tielet Dinja u mhux qed jagħmel att ta’ karita’ mal-ħaddiema; il-kumpanija Spanjola qiegħda hawn biex, bħalma tat kundizzjonijiet xierqa lix-xufiera Spanjoli, tagħmel l-istess mal-ħaddiema Maltin.
“Ma jistax ikun li nibqgħu mmorru nittalbu….din l-attitudni li tiġu f’pajjiżna, nagħtukom il-flus mit-taxxi tagħna biex intom tagħmlu profitti u aħna rridu noqogħdu nitkarrbu sabiex tiġu tagħtu l-kundizzjonijiet jew pagi diċenti lill-ħaddiema, mhix aċċettabbli”.
Josef irrefera għar-ringrazzjamenti li għamlet il-GWU talli l-UĦM ipparteċipat f’din l-azzjoni industrijali. Hu bagħat messaġġ lill-GWU u saħaq li din il-union mhix se tieqaf hawn f’din il-ġlieda. “Il-UĦM mhix kuntenta li ssir ħidma fuq punt wieħed biss; din il-union se tkompli bil-ġlieda tagħha sabiex il-ħaddiema fl-MPT ikollhom sett ta’ kundizzjonijiet u ftehim kollettiv b’saħħtu.
“Ejja nibqgħu magħqudin…ejja nibqgħu niġġieldu sabiex dak li hu tagħkom bi dritt, ma jċaħħadulkom ħadd”, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.