fbpx

Il-lista l-ġriża hija tagħna lkoll

L-aħbar li Malta tpoġġiet fil-lista l-griża mill-FATF hi daqqa mortali għar-reputazzjoni tal-pajjiż li setgħet ġiet evitata għax is-sħab iswed ilu jidher sa mill-2016 iżda t-twissijiet li kienu saru fosthom mill-UĦM Voice of the Workers ma ttieħdux bis-serjetà.

Ir-reputazzjoni ta’ Malta ilha sejra lura b’sensiela ta’ skandli ta’ korruzzjoni u governanza ħażina fosthom il-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ma’ Vitals,  il-Panama Papers u l-ftehim tal-power station. Dan kollu beda jitfa’ dawl ikrah fuq pajjiżna, jipperikola l-investiment u ġab tbatija kbira fis-settur bankarju fejn l-aktar li qed ibatu huma l-klijenti li qed iħabbtu wiċċhom ma’ burokrazija qawwija minħabba li Malta m’għadhiex fdata. Sfortunatament, il-prezz tal-għemil korrott u tal-iskandli imwettqa minn ftit qed iħallsuh il-ħaddiema Maltin.

Il-UĦM twissi li jkun żball jekk il-ħidma biex Malta toħroġ minn din il-kriżi tieqaf kemm il-darba titneħħa minn fuq il-lista l-griża. Pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq ’il quddiem biss meta jsewwi r-reputazzjoni tiegħu u dan imur lil hinn min dak li jgħid l-FATF. Jekk naħsbu li l-kwistjoni se tissolva meta ma nibqgħux fuq il-lista, inkunu qed ngħattu x-xemx bl-għarbiel u nidħku bin nfusna.

Minkejja li din il-kriżi setgħet ġiet evitata, il-Gvern irid jifhem li ma jistax joħroġ minnha waħdu imma għandu bżonn jaħdem flimkien mal-imsieħba soċjali, il-partiti politiċi u l-awtoritajiet regolatorji. Ir-reputazzjoni fil-qasam finanzjarju ma tinbeniex biss bil-liġijiet imma bis-serjetà li biha jkunu infurzati mill-awtoritajiet regolatorji. Biex dan isir trid issir ħidma biex ma jibqgħux jiġu imminati l-valuri tal-integrità, l-onestà, il-governanza tajba u d-demokrazija biex ikun assigurat li l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu f’indipendenza assoluta.

Fl-aħħar mill-aħħar din mhux kwistjoni partiġjana. Il-lista l-griża issa saret xi ħaġa tagħna lkoll u għalhekk jeħtieġ li naħdmu biex flimkien insewwu r-reputazzjoni ta’ Malta.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment