Il-Qorti reġgħet tat raġun lill-UĦM. L-Imħallef Anna Felice ilbieraħ tat deċizjoni favur il-UĦM fir-rikors li l-union, permezz ta’ l-Avukati Ian Spiteri Bailey u Andrew Grima, ippreżentat kontra l-GWU u l-MPTSOL.
Aktar ħaddiema issieħbu fil-UĦM fix-xhur li għaddew wara s-sħubija ta’ numru ta’ xufiera. B’hekk il-union tkun f’pozizzjoni biex tgawdi il-maġġoranza tal-ħaddiema kollha tal-MPTSOL.
Il-UĦM kienet talbet lill-MPTSOL sabiex isir proċess tal-verifika u biex il-kumpanija ma tkomplix bid-diskussjonijet ma’ union li ma tgawdix mill-fiduċja tal-ħaddiema. Minkejja dan, il-MPTSOL kompliet bil-proċess tan-negozjati mal-union l-oħra kontra r-rieda tal-ħaddiema u b’hekk il-UĦM kellha tirrikorri għal proċeduri legali biex tieħu raġun.
Fil-Qorti, wara d-deċiżjoni tal-Imħallef Lawrence Mintoff li ta digriet sabiex issir elezzjoni bejn il-UĦM u l-GWU, digriet tal-Imħallef Anna Felice waqqaf lill-MPTSOL u l-GWU milli jkomplu jinnegozjaw il-ftehim kollettiv. Dan kollu seħħ f’temp ta’ sitt ijiem.
Għaldaqstant il-Qorti ħadet żewġ deċiżjonijiet favur il-UĦM fejn, bit-Tribunal Industrijali jonqos milli jibda jisma’ il-każ li tressaq quddiemu fl-istess ġurnata. Dan hu ta’ tħassib għall-UĦM u jikkontrasta bil- kbir mal-effiċjenza li wera l-proċess tat-Tribunal f’każijiet identiċi tal-każ imressaq mill-UĦM.