fbpx

Il-Qorti tqis aġir tal-Gvern bħala att ta’ tpattija

Il-Qorti qieset aġir imwettaq mill-Gvern fil-konfront ta’ tliet flebotomisti bħala forma ta’ ‘ritorsjoni’, jew  aħjar, att ta’ tpattija jew  vendetta talli ħaddiema segwew direttiva ta’ azzjoni industrijali ordnata mill-UĦM Voice of the Workers li rrapreżentathom.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, nhar it-Tlieta 3 ta’ Jannar 2017 laqgħet mandat ta’ inibizzjoni preżentat minn tliet flebotomisti kontra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei wara li dawn tal-aħħar naqsu milli jagħtu l-paga lit-tliet impjegati tal-Gvern meta kienu qed jobdu direttiva tal-UĦM Voice of the Workers f’Lulju 2016.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti, il-UĦM Voice  of the Workers tisħaq li din hi rebħa mhux biss għaliha imma hi rebħa kbira għat-trejdunjoniżmu Malti.

Il-UĦM Voice  of the Workers tistqarr kif hu tal-mistħija li tisma’ li l-Gvern  għamel vendetta ma’ min obda direttiva ta’ union. Il-UĦM assolutament tikkundanna l-aġir tal-Gvern għax ħaddiema, li mhumiex membri ta’ union tal-għażla tal-Gvern, obdew direttiva ta’ union oħra b’riżultat li l-Gvern ivvendika ruħu minnhom.

Għall-UĦM Voice of the Workers, tali affarijiet ma jiġrux f’pajjiż li suppost hu demokratiku, għajr f’pajjiżi sotto-żviluppati.

Intant il-Qorti fit-trattazzjoni tagħha, wara li evalwat ir-rikors kif imressaq mir-rappreżentanti tal-Gvern, qalet li l-liġi trid li prinċipal, f’dan il-każ il-Gvern, bl-ebda mod m’għandu jiddiskrimina kontra ħaddiem li jkun qed isegwi direttiva ta’ azzjoni industrijali. Il-Qorti saħqet li d-direttiva tal-UĦM Voice of the Workers u li ġiet segwita mit-tliet flebotomisti ma dehritx li kienet waħda bi ksur ta’  liġi.

Ħareġ mill-fatti li t-tnaqqis fil-paga tat-tliet impjegati tal-Gvern sar u kien qed isir għaliex huma għażlu li jsegwu direttiva ta’ azzjoni industrijali mogħtija mill-union.

Wara li semgħet il-fatti kollha, il-Qorti kkonkludiet billi laqgħet il-ħruġ tal-mandat, ordnat lill-Gvern sabiex iħallas il-pagi tat-tliet ħaddiema u ordnat lill-Gvern sabiex iħallas l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment