Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) għad għandha l-maġġoranza fil-Freeport, tant li minn dokument li kien ippreżentat quddiem it-Tribunal Industrijali llum wara nofsinhar jirriżulta li hemm 602 ħaddiema minn 760 ħaddiem tal-Freeport li huma membri fil-UĦM.
Josef Vella, u Jesmond Bonello, is-Segretarju Ġenerali u l-President tal-UĦM rispettivament xehdu fis-seduta tal-lum wara nofsinhar.
Mistoqsi minn Ian Spiteri Bailey, l-Avukat tal-UĦM, jekk qattx attenda laqgħat dwar il-Freeport, Jesmond Bonello qal li hu kien attenda laqgħa li ntalbet mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA). Il-laqgħa kienet dwar ir-rikonoxximent fil-Freeport.
Il-President tal-UĦM stqarr li kien diskuss il-mod kif jiġu indirizzati t-talbiet. Jesmond Bonello xehed li l-UĦM ma qablitx li Charmaine Cristiano u Charles Cassar jagħmlu l-verifika; anzi l-union saħqet li l-verifika għandha ssir mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali. Il-President tal-UĦM sostna li bħalma f’kull post tax-xogħol issir verifika mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER), l-istess għandu jsir fil-Freeport.
Aaron Mifsud Bonnici, l-Avukat tal-General Workers’ Union (GWU) staqsa lill-President tal-UĦM jekk għandux iċ-ċifri tal-ħaddiema membri fil-UĦM. L-għajnuna legali tal-GWU staqsa wkoll jekk il-UĦM tridx il-verifika u għaliex il-UĦM qed toġġezzjona dwar il-preżenza ta’ Charmaine Cristiano u Charles Cassar biex jagħmlu l-verifika.
Jesmond Bonello wieġeb li ż-żewġ persuni, fis-snin li għaddew, kienu membri fil-GWU u mhumiex fid-DIER filwaqt li reġa’ saħaq li hu x-xogħol tal-ħaddiema tad-DIER biex jagħmlu l-proċess tal-verifika fejn tidħol union recognition. Il-President tal-UĦM argumenta li f’każijiet oħrajn ta’ verifika, id-DIER wettaq xogħlu tajjeb u għaldaqstant din l-istess ħidma għandha tkun applikata wkoll fil-Freeport. Barra minn hekk, żied Jesmond Bonello, il-UĦM ma kinitx ikkonsultata dwar Charmaine Cristiano u Charles Cassar. Għaldaqstant, sostna l-President tal-UĦM, ix-xogħol tal-verifika għandu jsir mid-DIER.
“Fix-xhieda tiegħu u minn mistoqsija li saritlu mill-Avukat Ian Spiteri Bailey, Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, ikkonferma li hu ħa r-responsabbiltà tal-ħaddiema membri fil-Freeport.”
Josef Vella esebixxa dokument u ppreżentah lis-Sedja tat-Tribunal. Minn dan id-dokument, datat it-30 ta’ April 2015, irriżulta li apparti għall-ħaddiema fl-Engineering, il-UĦM għandha 602 membri, fost 760 ħaddiem tal-Freeport, li huma membri fi ħdanha.
Bi tweġiba għal mistoqsija li saritlu mill-Avukat Ian Spiteri Bailey, Josef Vella saħaq li l-UĦM, sal-lum, ma rċeviet l-ebda riżenja.
Ian Spiteri Bailey staqsa lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-UĦM rigward il-verifika. Josef Vella fisser li għandu jkun hemm proċedura waħda u ġusta; hu sostna li ma jistax ikun hemm proċedura formali u oħra li tkun fast track. Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-ħaddiema għandhom ikollhom dritt li ssir verifika sabiex wieħed isir jaf liema union għandha l-maġġoranza fil-Freeport.
Josef Vella spjega kif il-GWU kienet ordnat azzjonijiet industrijali li kissru l-ftehim kollettiv. Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-ħaddiema għandhom jitħallew fil-libertà u m’għandha ssir l-ebda pressjoni fuqhom.
Josef Vella stqarr li hu ltaqa’ u għadu qed jiltaqa’ ma’ diversi ħaddiema minn kull settur tal-Freeport. Hu tenna li l-uniku mezz ta’ verifika hi dik li ssir fil-preżenza tad-Direttur tax-Xogħol. Josef Vella fisser kif din il-prassi seħħet fit-taqsima tal-Engineering, sena ilu, u allura din il-proċedura għandha tiġi applikata wkoll għall-ħaddiema l-oħrajna fil-Malta Freeport Terminal.
Bi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Avukat tal-GWU, Josef Vella qal li meta hu kien niżel il-Freeport u kellem lill-ħaddiema, kien qalilhom biex jagħmlu l-għażla għaqlija tagħhom. Hu qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet nazzjonali sabiex tkun identifikata l-proċedura adekwata. Dwar il-metodi ġusti is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-verifika hi metodu aċċettabbli li ssir mid-Direttur tax-Xogħol.
Mistoqsi mill-għajnuna legali tal-GWU, dwar l-oġġezzjoni tal-UĦM biex tmur għal votazzjoni, Ian Spiteri Bailey, l-Avukat tal-UĦM staqsa lill-Avukat Aaron Mifsud Bonnici x’inhu l-fatt li għandu joħroġ minn mistoqsija bħal din. Josef Vella wieġeb li s’issa għad m’hemmx ftehim dwar votazzjoni.
Ir-rappreżentant legali tal-kumpanija Malta Freeport Terminal, saħaq dwar l-importanza li f’din il-kwistjoni kollha titwettaq proċedura trasparenti u li din issir malajr kemm jista’ jkun.
Fit-trattazzjoni finali tiegħu, Ian Spiteri Bailey, l-Avukat tal-UĦM tkellem dwar dak li seħħ waqt seduta preċedenti u qal li l-provi dwar kemm union għandha rikonoxximent, ma ġġibhomx billi wieħed joħroġ mill-awla, jagħmel telefonata, jikteb id-dettalji fuq biċċa karta, u jerġa’ jidħol fl-awla biex jaqra t-tagħrif li jkun kiseb. B’hekk s’issa l-GWU ma tatx prova dwar il-membri fi ħdanha fil-Freeport. Għall-kuntrarju, il-UĦM għamlet ħidma sfiqa u l-prova ta’ 602 ħaddiem membru mhix kontestata.
Spiteri Bailey tenna li mhux veru li l-allegazzjoni mill-għajnuna legali tal-GWU, li l-UĦM irrinunzjat id-dritt għal strajk, u tistenna li t-Tribunal jivverifika dwar dan billi jirreferi għall-ftehim kollettiv iffirmat. Il-UĦM għandha l-provi li juru l-kuntrarju.
Ian Spiteri Bailey staqsa lit-Tribunal jekk hemmx mistoqsija leġittima li timmerita lil dan il-pajjiż biex il-proċess jieħu s-sura ta’ verifika. Hu rrefera għall-Ftehim Kollettiv għall-Ħaddiema taċ-Ċivili li jiskadi fl-2016 fejn hemm evidenza ċara ħafna li ssarraf bħala prova. Ian Spiteri Bailey sostna li dan il-ftehim għandu jingħata piż.
Spiteri Bailey qal li t-Tribunal għandu jagħti messaġġ lis-soċjetà, anzi għandu jagħti messagg lill-avukati, lil min iħaddem u lill-unions.
Ian Spiteri Bailey saħaq li t-Tribunal qed jirriskja li jkun mifni b’numru ta’ każi simili bħal dan fil-Freeport. Hu fisser li l-proċess jgħid li d-DIER għandu jagħmel verifika jekk ikun hemm claim. Hu qa li jekk jiġu appuntati żewġ persuni b’daqqa ta’ pinna mill-Ministru konċernat, tkun azzjoni inġusta. Il-ġustizzja trid tidher li qed issir. It-Tribunal Industrijali għandu l-jedd li jekk l-amministrazzjoni tintervjena, irid jassigura li kull proċess ma jsibx xkiel ma saqajh. Hu appella lill-membri tat-Tribunal biex id-diżgwid bejn il-unions jinqata’ minnufih.
Aaron Mifsud Bonnici, l-avukat tal-GWU, qal fit-trattazzjoni finali tiegħu, fost oħrajn, li x-xewqa tal-GWU mhix li ssir il-verifika imma li tmur għall-best practice. Hu qal li għandha tinstab soluzzjoni demokratika u ma jarax għaliex issir kritika dwar votazzjoni sigrieta.
Ian Spiteri Bailey, l-Avukat tal-UĦM, intervjena u fakkar li skont ix-xhieda tal-management tal-Freeport, il-UĦM għadha tgawdi l-maġġoranza f’din il-kumpanija. Dwar votazzjoni sigrieta, Ian Spiteri Bailey staqsa min se jkun qed imexxi u jimmonitorja tali proċess.
Id-deċiżjoni mit-Tribunal Industrijali dwar ir-rikonoxximent trejdunjonistiku, fil-Freeport, mistennija tingħata bħal-lum ġimgħa.
Matul is-seduti quddiem it-Tribunal Industrijali, għan-naħa tal-UĦM, xehdu Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM; Jesmond Bonello, il-President tal-UĦM; Edwin Balzan, il-Viċi President tal-UĦM; Mario Sacco, Segretarju għall-Ħaddiema tal-Gvern; u Martin Caruana, li sa ftit xhur ilu kien responsabbli mill-Freeport.