fbpx

Il-UĦM għandha missjoni li tkun ta’ piż fil-miżien tad-djalogu soċjali

“Il-UĦM għad fadlilha validita’ u missjoni  kbira biex  tkompli tkun ta’ piż fil-miżien tad-djalogu soċjali. Il-UĦM trid tara li ma  tħallix lil dan  il-miżien  miegħel lejn naħa waħda biss imma tara li dan il-miżien jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu.”

Josef Vella,  Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers, stqarr dan f’messaġġ fl-okkażjoni tal-50  anniversarju  mit-twaqqif tal-UĦM.

Hu qal li bi tħejjija għal dan l-anniversarju, kienet ittellgħet  konferenza ġenerali kbira s-sena l-oħra u li matulha tħabbru numru ta’ inizjattivi fosthom pjani ta’ ristrutturar u branding ġdid tal-UĦM.

Illum din il-union iġġib l-isem  ta’ UĦM Voice of  the Workers. Sar tibdil fl-istatut biex dan jirrifletti għall-esiġenzi tal-lum. Sar xogħol fuq korsijiet akkreditati għal persuni li jaħdmu bħala managers fis-servizzi tal-UĦM kif ukoll sar investiment  fuq call-centre u f’sistemi li jagħtu lok lill-klijenti tagħha biex huma jżommu rendikont dwar x’każijiet għandhom miftuħin u fejn  dawn waslu.

Il-UĦM investiet fit-taħriġ lill-ħaddiema billi ġabet korsijiet akkreditati u rat li jsir titjib tal-uffiċini fi  ħdan il-union stess sabiex ikunu  aċċessibbli. Dan minbarra programm ta’ tisbiħ li  beda jsir fil-bini sabiex il-union tkompli timmodernizza u li l-istess bini jkunu wieħed li joffri servizz għaż-żminijiet tal-lum.

Lil hinn minn dan kollu, il-UĦM għaddejja minn żmien fejn  qed tkun  attakkata  mill-istess Gvern li lejlet  l-anniversarju għoġbu jikkomonunika, kważi kważi lanqas jikkomunika b’diċenza,  u bl-aktar  mod sfaċċat u arroganti u n’nuqqas  ta’ professjonalita’, iddeċieda li jieħu membri mingħand il-UĦM,  jieħu r-rikonoxximent mingħand il-membri  u bi ksur ta’ proċedura u bi ksur ta’ ftehim  kollettiv jagħtih lil union oħra. Dan  għax il-union  l-oħra poġġiet il-firma tagħha fuq il-Public Private Partnerships (PPPs) u l-UĦM għadha ma ffirmatx. Għalhekk, bħala kastig, b’politika ta’ ‘għajn għal  għajn u sinna b’sinna’ u b’politika tal-mannara, il-Gvern  iddeċieda li juża l-mannara tiegħu fuq il-UĦM biex jikkastigaha  u joħdilha r-rikonxximent attwali tagħha u jtih  lil ħaddieħor.

Matul dawn l-aħħar  50 sena, kienu ħafna dawk li ppruvaw ikissru lill-UĦM. Lil din il-union kienu jgħidulha li ma  kinitx se tirnexxi. Iżda ż-żmien ta prova u din il-union  mhux talli kibret  imma talli hi union b’saħħitha li tilqa’ fi ħdanha ħafna membri li jafu li qed jieħdu  servizz professjonali ħafna.

Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet li qegħdha fihom  illum, il-UĦM tfisser  lil dan il-gvern   bħala wieħed li tilef il-boxxla f’dak li għandu x’jaqsam  it-trejdunjoniżmu. “Qatt ma rajt taħwid bħalma ma rajna għaddej f’dawn l-aħħar tliet snin,” sostna Josef Vella u żied li “dan il-Gvern qed jilgħab u jbagħbas mal-ħbula trejdunjonistiċi”. “Hu  gvern li jaġevola lil min irid u jaġevola biss lil min jaqdih u jbaxxi rasu; dan hu gvern li meta jara lil xi ħadd jostakolah, mhux b’sens ħażin, imma għax m’hemmx qbil  miegħu, allura jpattihielu bl-ikrah”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of  the Workers jisħaq  li ebda  tpattija m’hi se tbeżża’  lil din il-union. Il-UĦM se  tkompli tistinka fuq dak li hu sewwa u twettaq il-miri u l-aspettattivi tagħha. Il-UĦM temmen li Gvern  li kellu biex jiftaħar fuq il-PPPs, ma kellu għalfejn qatt jaħbi dak li qed jiftaħar bih. “Jekk niftaħar li ġibt kuntratt tajjeb għal Malta, allura nurih u  mhux naħbih,” qal Josef Vella.

“Jekk union serja tiġi u tiffirma għal dak li qed jgħid  il-Gvern mingħajr ma  tkun  taf x’ġie miftiehem  ma’  ħaddieħor, mal-barrani, fuq  ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin, allura Sur Gvern, qed tippretendi ħafna,”kompla l-Kap Eżekuttiva ta’ UĦM Voice of the Workers. U għajb għal min  poġġa l-firma u ma rax il-kuntratt.

Il-UĦM, sal-lum il-ġurnata, qatt ma ngħata sodisfazzjon mill-Gvern dwar x’hemm u x’ma hemmx f’dan il-kuntratt. “Ma nistax jifhem, u għadni sal-lum ma nistax nifhem, għaliex irridu naħbu xi ħaġa sabiħa u ndawruha fi storja jew f’rumanz sħiħ….dan il-kuntratt messu ilu li ħareġ”.

Dan hu Gvern li tela’  bl-għajta għat-trasparenza; qal li se  jkun Gvern tat-trasparenza. Iżda xi trasparenza hi li l-UĦM, wara dan iż-żmien  kollu, li l-union li qiegħda madwar il-mejda lanqas taf x’tip ta’ ftehim hemm miktub? Il-UĦM kellha ssir taf minn programm fuq ir-radju li l-Ministru Chris Fearne għoġbu joħroġ jgħid li jista’ jkun li  l-kuntratt  ma jkunx  għal 30 sena imma għal 90 sena.  Issa din  serjeta’? Il-Gvern jippretendi li union  tpoġġi firma meta lanqas taf jekk torbotx  il-ħaddiema tagħha għal 30 jew 90 sena? U jekk ninsabu f’dan l-ambjent imċajpar, il-Gvern  kif jippretendi lil din  il-union tgħidlu ‘iva’ u tagħtih il-kunsens biex ikompli jimxi bil-pjan? Il-UĦM ma tistax tkun  parteċipi f’xi ħaġa li mhix qed  tifhem.

Il-UĦM tagħmilha ċara li  hi m’għandha xejn  kontra l-Public Private Partnership imma hi kontra PPP fejn  nagħtu kollox. Din il-union tistaqsi: jekk jiġri xi ħaġa,  jaqa’ kollox?.U għaliex PPP wieħed? Kien hemm ċans għal aktar minn Public Private Partner wieħed u wkoll kien hemm  iċ-ċans li  ndaħħlu l-professjonisti Maltin  u nużaw  il-mudell tal-koperattivi sabiex  nagħtu  ċans lill-ispeċjalisti Maltin jagħtu servizz u fl-istess ħin  igawdu huma  stess.

Allura hi ironija li f’dan  kollu, il-Gvern qed  jgħid, permezz ta’ tweġiba għal protest ġudizzjarju li din  il-union  għamlet fil-Qorti, li l-UĦM telqet minn  fuq il-mejda tan-negozjati. Din il-union tiddikjara li  hi qatt ma kienet madwar il-mejda tad-diskussjoni. Il-verita’  hi li  l-Gvern, kulma għamel kien li darba s-Sibt wara nofsinhar il-Ministru Chris Fearne  bagħat għal din  il-union u  għarrafha minn  qabel li kien  se joħroġ stqarrija u jagħmel konferenza  tal-aħbarijiet. X’ġara  u ma ġarax,  din il-union  ma  kinitx fuq il-mejda tan-negozjati u allura ma saret taf  b’xejn. Il-UĦM  kienet marret biex tinnegozja u n-negozjati li  saru kienu surreali għax ħassitha li ma kinitx verament qed  tinnegozja.

“Qatt  ma mort  imkien b’għaxar proposti u kulħadd jgħidlek ‘iva’ fuq kollha. X’jiġifieri ‘iva’ u kollox sar ‘iva’  f’daqqa waħda? Il-UĦM  telqet minn fuq il-mejda għax riedet  lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ħalli tifhem x’qed tibni fuq dak il-pedament. Il-UĦM ma tistax tifhem għaliex il-Gvern  qed  jgħaddes rasu, jibqa’  jkun arroganti. Ma tistax tifhem għaliex  il-Ministru Fearne jipprova jgħid  li  m’hemmx problema u li se  jkun  qed jippubblika  l-kuntratt. Imma l-Gvern ilu x-xhur jgħajjat li l-ftehim lest u ffirmat. Il-UĦM terġa’ tistaqsi: għaliex dan il-kuntratt baqa’ fil-kexxun għal dawn  ix-xhur kollha? X’hemm tal-mistħija fih? X’hemm li l-Gvern  ma  jridx juri? Għaliex qed jitħalla moħbi?

Għall-UĦM, Gvern li ġab deal tajjeb, m’għandu jiddejjaq minn xejn ħlief jieħu pjaċir jesponi l-opra tiegħu. Għandna Gvern li bil-kliem  jiftaħar kemm qed jagħmel  xogħol tajjeb fuq  il-Public Private Partnership iżda fir-realta’, jekk wieħed ikun jixtieq jara l-fatti  u mhux il-kliem, l-istess fatti  ma   joħorġu  minn  imkien.

B’dak  li qed isir qed inġibu t-trejdunjoniżmu bħala twemmin għax permezz tat-twemmin tbaxxi rasek u jekk  ma tarax tgħid li temmen. “It-trejdunjoniżmu mhux twemmin imma hu xogħol professjonali  li jibbaża ruħu fuq  il-fatti,”saħaq Josef Vella.

Għan-nom  tal-ħaddiema  kollha li jaħdmu fil-qasam  tas-saħħa, il-UĦM tappella lill-Gvern biex iserraħ l-imħuħ tal-ħaddiema u dak  li  għandu jippubblika jippubblikah u ma jibqax jevita li  jagħmel dan.

Kienu ħafna  dawk li f’50 sena pprovaw ikissru lill-UĦM. Min ma rnexxielux   ikisser  f’50 sena mhux se jirnexxilu  issa u l-UĦM  se tibqa’  tistinka u taħdem f’dak li hi temmen li hu sewwa.

Josef Vella bagħat messaġġ lil dawk in-nies li huma nvoluti f’dawn id-deċiżjonijiet: nies fiċ-Ċivil u oħrajn  li jagħmlu parti mis-Servizz Pubbliku,  nies li qegħdin  hemm biex jagħtu servizz  lin-nazzjon tagħna, nies li  bil-fomm sieket tagħhom ibaxxu rashom għad-deċiżjonijiet ħżiena u illegali li qed isiru kontra l-prattiċi u l-ftehim kollettiv. Il-ġustizzja trid issir f’xi  ħin  jew ieħor u kulmin qed jgħaffeġ f’xi  ħin  irid jirrispondi ta’ għemilu. “Jien nippretendi lil min għandu sinsla f’dahru m’għandux ibaxxi rasu lejn ħadd u ma juża ebda skuża għal xi biżgħa”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of  the Workers. Il-biżgħa sseħħ meta ma  nagħmlux dak  li għandna nagħmlu….u mhux nibżgħu minn  ordnijiet li m’għandxniex sinsla f’daharna biex nirrifjutawhom. Anzi nqumu fuq saqajna u  dak li hu ħażin ngħidulu  ħażin u nisħqu li ma rridux niċċappsu bih.

Dak li qed  nirċievu bil-miktub, partikularment permezz  tal-kontro-protest mill-gvern kontra l-protest ġudizzjarju li sar minn  din  il-union fil-jiem li  għaddew, huwa tal-mistħija. Iġiblek is-swied il-qalb li tara nies fl-amministrazzjoni  u f’karigi għoljin fl-Uffiċċju  tal-Prim Ministru u fiċ-Ċivil, li minflok jieħdu  l-linja ġusta qed jagħlqu għajnejhom  u  jħallu l-affarijiet   għaddejjin. Jekk mhux bit-timbru tagħhom stess.

Għall-UĦM, dan hu  ħażin u sfaċċat. “Lill-Gvern  ngħidlu:   li tirbaħ  b’36,000 vot itik biss responsabbilta’  kbira; ma jtik l-ebda  awtorita’ iżjed minn ħaddieħor biex tabbuża mill-poter u mid-demokrazija….issa wasal il-mument li ssarraf għemilek lil dawk li vvotaw billi tħaddem governanza ta’ veru, governanza bil-għaqal….għax hekk iridu n-nies,”saħaq Josef Vella.

Li tieħu rikonoxximent  mingħand il-UĦM u ttih lil union oħra b’mod sfaċċat hi forma  oħra ta’  korruzzjoni. Daqs kemm hija korruzzjoni li taqbad ħabib tiegħek u tiddeċiedi li titfgħu jaħdem  mal-Gvern u ittih benefiċċji iżjed minn ħaddieħor.  Dan mhux taħwid ta’ union. Dan  hu taħwid ta’ gvern li qed jipprova jaġevola lil dak u lill-ieħor. Il-problema hi mhux se jiġri minn  dawk l-aġevolati imma x’se  jiġri lill-pajjiż.  Dan  għax dawn  il-persuni qed jgħixu bi flus  il-poplu u bi  flus  il-pajjiż. Dan  kollu jista’ jkun ta’ periklu. U dan apparti li qed joħloq  inġustizzji kbar il-ħin kollu. Ir-regoli qed jitgħawġu u min  spiċċa vittma  ta’ xi inġustizzja qed jitħallas bil-backdating kontra kull proċedura. Ħadd  m’għandu  jkun  parteċipi ta’ dawn l-affarijiet.

“Nirringrazzja lil ħafna  nies li ħadmu  tul dawn il-50 sena biex din il-union twaqqfet, kibret, ħadmet, ipprovdiet  servizzi lill-Maltin  u lill-Għawdxin kif  ukoll lil hinn  minn  xtutna. Nirringrazzja lill-mexxejja ta’ qabli, li mexxew lil din  il-union kif ukoll lill-ħaddiema tal-lum fi żminijiet diffiċli. Dawn  il-mumenti jagħtuna sfida kbira u l-UĦM  qatt ma dawret wiċċha għal ebda sfida anzi indirzzatha b’kuraġġ”, temm jgħid Josef Vella fil-messaġġ tiegħu.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment