fbpx

Il-UĦM tappella lill-gvern sabiex ħidmitha ma tibqax imminata

Il-Union Ħaddiema  Magħqudin (UĦM) tinsisti mal-Gvern biex jieqaf mill-manuvri politiċi tiegħu sabiex jaġevola lill-General Workers’ Union (GWU).

Skont sorsi ta’ min jorbot fuqhom, fix-xhur li għaddew, iddaħħal numru konsiderevoli ta’ ħaddiema ġodda fil-grad ta’ Security fil-Freeport  Corporation. Skont l-istess sorsi, dawn il-ħaddiema ma kinux qed jirreġistraw għax-xogħol u b’hekk kien hemm ħaddiema oħrajn li setgħu kellhom preċedenza fuqhom għax kienu qed ifittxu impjieg. Dawn il-ħaddiema ddaħħlu bil-barka tal-Ministru Chris Cardona bl-iskop li jaġevola lill-GWU u  joħloq inkwiet  industrijali bla bżonn.

Il-UĦM tfakkar l-għajta tal-Prim Ministru sabiex l-inkwiet bejn il-unions jonqos u fl-istess nifs  qed jinsa l-għajta għall-meritokrazija li biha ġie elett. Il-UĦM tirreferi għal dak li kien qal il-Prim Ministru f’konferenza li kienet saret f’April ta’ din is-sena fejn hu kien esprima tħassib dwar tensjonijiet li kienu qed  iseħħu fost it-trade unions dwar il-kwistjoni tar-rikonoxximent tant li kien sejjaħ għat-twaqqif ta’ kunsill  tat-trade unions.

Sadattant il-UĦM  tisħaq li, f’kull post tax-xogħol, ħaddiema ġodda jkunu ingaġġati jew impjegati skont, l-abbiltà, il-kwalifiki jew l-esperjenza tagħhom. Fil-Freeport Corporation dan mhux il-każ għax jidher li minflok qed jiddaħħlu jaħdmu nies sempliċiment għax għandhom biss twemmin Laburista b’aġenda li jimminaw ix-xogħol li tagħmel il-UĦM.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment