It-Taqsima Entitajiet Pubblici tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) u l-management tan-National Audit Office (NAO), nhar it-13 ta’ Novembru 2013 iffirmaw il-Ftehim Kollettiv tal-Ħaddiema kollha f’dan l-Uffiċċju.
Dan il-Ftehim Kollettiv qiegħed itejjeb numru ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fosthom kundizzjonijiet bħal ‘family friendly measures’. Qegħdin jitjiebu wkoll is-salarji u l-allowances u numru ta’ kundizzjonijiet oħra tal-ħaddiema tal-istess NAO bil-għan li dan l-Uffiċċju jibqa’ jattira nies professjonali u li jippossedu l-ħiliet neċessarji.
Dan il-ftehim ġie spjegat u approvat mill-maġġoranza tal-Ħaddiema tal-NAO f’laqgħa li nżammet ftit ġranet qabel.
It-Taqsima Entitajiet Pubbliċi turi s-sodisfazzjon għall-mod kif saru n-negozjati fejn kien hemm rieda tajba mill-partijiet konċernati u b’hekk kienu konkluzi għas-sodisfazzjon tal-partijiet kollha. Dan il-Ftehim Kollettiv hu effettiv mill-1 ta’ Jannar 2013 u jkopri lill-ħaddiema tal-NAO għal erba’ (4) snin.
Għall-UĦM, il-Ftehim Kollettiv kien iffirmat mis-Sur Josef Vella, Segretarju Ġenerali u s-Sur Edwin Balzan bħala Viċi-President. Għan-naħa tal-NAO iffirmaw is-Sur Anthony Mifsud, Awditur Ġenerali, u s-Sur Charles Deguara, Deputat Awditur Ġenerali. Preżenti wkoll għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm kemm ir-rappreżentanti tal-management kif ukoll il-kumitat tal-ħaddiema li kellu parti attiva fin-negozjati.