It-Taqsima għas-Servizz Pubbliku tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) iffirmat ftehim bħala addendum għal ftehim settorali tat-Technical Class.
Il-UĦM iffirmat dan id-dokument iżda żiedet nota taħt il-firma fejn tispjega li tali dokument qed jiġi ffirmat bi protest dwar ragunijiet li ġew komunikati dalgħodu stess permezz ta’ email lill-Kap tal-Public Adminstration Collective Bargaining Unit (PACBU).
It-Taqsima għas-Servizz Pubbliku fi ħdan il-UĦM għażlet li tieħu din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li filwaqt li m’għandha xejn kontra dwar dak li ngħataw il-ħaddiema li jissemmew fl-addendum, xorta waħda qed tipprotesta għax numru ta’ ħaddiema fil-grad ta’ Tradesman, Senior Tradesman, Technician, Senior Technician, Assistant Technical Officer, Technical Officer, Senior Technical Officer, Principal Technical Officer u Operations Manager baqgħu ma bbenefikaw minn xejn.
Il-UĦM ipprotestat ukoll fid-dawl li dawn il-ħaddiema mhux qed jingħataw l-istess attenzjoni minħabba l-fatt li din il-union kienet bagħtet sett ta’ proposti li jolqot il-gradi kollha msemmija fil-25 ta’ Frar 2015 u sal-lum il-ġurnata għadha lanqas biss saret l-ewwel laqgħa ta’ negozjati. Il-UĦM qed tappella lill-gvern sabiex jagħti l-istess trattament lil dawn il-ħaddiema u għalhekk għandha ssir reviżjoni ta’ dan il-ftehim u mhux isiru bidliet, biċċa biċċa.
Sadattant , il-UĦM qed torganizza laqgħa għall-ħaddiema kollha fit-Technical Class fil-kwartieri ġenerali ta’ din il-union nhar il-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2015 fis-2 p.m. Dan sabiex il-ftehim ikun spjegat b’mod ċar ħalli jkun magħruf x’effett qed iħalli fuq l-istruttura kollha.