Il-UĦM Voice of the Workers ingħatat l-għarfien ewlieni sabiex tirrapreżenta lill-ħaddiema tal-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Dan ir-rikonoxximent kien possibbli wara proċess ta’ verifikazzjoni li permezz tiegħu l-UĦM ġiet konfermata li hi għandha l-maġġoranza ta’ membri fil-gradi tekniċi u klerikali fi ħdan din l-Awtorita’.
Il-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema tat fiduċja lill-UĦM tant li ħafna ssieħbu magħha wara li l-union kienet ilha diversi xhur taħdem sabiex dawn il-ħaddiema jingħataw l-attenzjoni u importanza tal-ħtiġiet tagħhom.
Aktar minn hekk il-UĦM, permezz tat-Taqsima Ħaddiema mal-Gvern, se tkompli tenfasizza
sabiex jibdew id-diskussjonijiet kemm jista jkun malajr ħalli l-ħaddiema f’din l-entita’ jkollhom kundizzjonijiet u opportunitajiet aħjar.
Sadattant din il-union, fil-jiem li ġejjin, se tlaqqa’ lill-ħaddiema kollha sabiex tilqa’ il-proposti u s-suġġerimenti tagħhom ħalli jibda l-proċess tal-ftehim kollettiv.
It-Taqsima tilqa’ lil dawn il-ħaddiema u tirringrazzjahom tal-fiduċja tagħhom fis-servizz li ngħata minn UĦM Voice of the Workers.