fbpx

Il-UĦM titlob ir-rikonoxximent fil-Freeport

Il-UĦM Voice of the Workers talbet ir-rikonoxximent uffiċjali mingħand il-management tal-Freeport Terminal sabiex din il-union tibda tirrapreżenta lill-ħaddiema mill-ġdid.

Dan wara li fl-aħħar ġimgħat numru sostanzjali ta’ ħaddiema rriżenjaw mill-General Workers’  Union (GWU). Mindu l-GWU bdiet tirrapreżenta lill-ħaddiema f’Ġunju tas-sena li  għaddiet, il-problemi u t-tħassib  fost il-ħaddiema dwar il-mod kif kienet  taġixxi  l-union l-oħra ma naqsux. Mhux ta’ b’xejn li minn żmien għal żmien saru diversi riżenji mill-GWU.

It-talba għar-rikonoxximent saret fid-dawl ta’ laqgħa li l-UĦM Voice  of the Workers kellha mal-management tal-Freeport dalgħodu.

Josef Vella,  il-Kap Eżekuttiv ta’  UĦM Voice of the Workers, flimkien  ma’ Kenneth Abela,  Employment Releations Manager responsabbli mit-Taqsima Port u Trasport, fissru mal-management li ladarba n-numru ta’ membri fi ħdanha issa jidher li ssupera dak li  għandha l-GWU, hu ż-żmien opportun li l-UĦM tikseb ir-rikonoxximent uffiċjali.

Il-UĦM Voice of the Workers talbet lill-management li fid-dawl li l-GWU m’għadx għandha l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema, in-negozjati tal-ftehim kollettiv mal-GWU, għandhom jieqfu minnufih. Il-UĦM ukoll talbet lill-management sabiex jibda l-proċess tal-verifika.

Għaldaqstant bit-talba li qed tagħmel dwar ir-rikonoxximent fil-Freeport, il-UĦM Voice of the Workers se tissokta taħdem u tistinka sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema filwaqt li tkompli tipprovdi servizz individwali bl-aktar mod professjonali u f’waqtu.

Il-ħidma trejdunjonistika fil-Freeport kienet, għadha u tibqa’ kontinwa sabiex tara li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol u ħarsien fejn jidħlu s-Saħħa u s-Sigurta’.

Il-UĦM fil-korrispondenza li bagħtet permezz tal-uffiċċju legali tagħha talbet lill-Freeport sabiex iġib ruħu bl-istess mod li kien ġab ruħu meta waqqaf immedjatament n-negozjati mal-UĦM. Issa din il-union qed tistenna l-istess atteġġjament u trattament li ngħata lil ħaddieħor.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment