Dalgħodu l-ħaddiema tal-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) se jkunu qed jivvutaw biex jagħmlu l-għażla tagħhom fejn tidħol ir-rikonoxximent trejdunjonistiku – liema hi dik il-union se jafdaw biex tirrapreżentahom għan-negozjati tagħhom.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li din il-union ma taqbilx li kellha ssir din it-tip ta’ votazzjoni, partikularment f’dan l-istadju fejn il-MEPA bħala awtorita’ għaddejja minn demerger, jiġifieri qiegħda fil-proċess li tinqasam u ssir żewġ entitajiet separati. Allura dik li sal-lum konna nafuha bħala l-MEPA, din se tispiċċa u ma tibqax teżisti.
“Aħna bħala UĦM ippruvajna nagħmlu l-argument li dan ma jagħmilx sens għax mhux il-ħin propizju biex wieħed jiffoka fuq ir-rikonoxximent trejdunjonistiku; bħalissa l-UĦM, iktar milli toqgħod tiffoka fuq l-elezzjonijiet, kienet iżjed tieħu gost kieku qiegħda madwar il-mejda u tara kif se jkunu trattati l-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom f’din id-demerger,” sostna Josef Vella.
Hu qal li jirbaħ min jirbaħ ir-rikonoxximent bħalissa, din hi xi ħaġa temporanja għax finalment malli l-MEPA tispiċċa, jistgħu jinqalgħu l-problemi. Dan għax fi ftit żmien ieħor jista’ jkun hemm sfida għall-istess rikonoxximent.
Dak li għaddej u dak li qed jgħidulna l-ħaddiema hu wieħed inkwetanti. Dan għax UĦM Voice of the Workers qed tara individwi li għax il-partit tagħhom jinsab fil-gvern jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. “Meta jitla’ il-partit tiegħek fil-Gvern”, sostna Josef Vella, “l-awtorita’ ma ssirx tiegħek; l-awtorita’ mhi ta’ ħadd. L-awtorita’ hi tal-pajjiż u u qiegħda hemm biex tagħti servizz.” Kompla li “li nisimgħu nies li jgħidu lill-ħaddiema li jekk jivvutaw lil union oħra jkunu mwiegħda promozzjonijiet, u di hi xi ħaġa inkwetanti”.
Inkwetanti wkoll li jidħlu nies jaħdmu fil-MEPA u jingħataw ix-xogħol basta jissieħbu f’union partikulari. Din mhix demokrazija u mhux qed inħallu lin-nies ikunu ħielsa biex jagħmlu l-għażla tagħhom. Allura dan mhux trejdunjoniżmu ġenwin; dan hu kollox immexxi minn aġenda politika. Naħseb li din hi sitwazzjoni inkwetanti u bla dubju ta’ xejn, sitwazzjoni bħal din, mhux il-UTAC se titlef u lanqas mhi se titlef il-UĦM. Se jitilfu l-ħaddiema.
“Allura meta mmorru u niltaqgħu mal-President ta’ Malta u nitkellmu kif se naħdmu flimkien biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, jien dan kollu ma nistax nifhmu fil-kuntest kollu”.
“Illum il-ħaddiema se jkunu qed jesprimu l-vot tagħhom; aħna se nieħdu pass lura f’dan il-mument u nħallu lill-ħaddiema jagħmlu l-għażla tagħhom. Jien Infakkarhom li llum il-vot mhux għall-UĦM imma hu vot għalik; il-vot li inti se titfa’ se ssarrfu int stess”.
“Allura wieħed jittama li l-ħaddiema jaħsbu b’moħħhom biex jagħmlu l-għażla tajba. Finalment aħna kif għamilna dejjem inbaxxu rasna għall-għażla tal-ħaddiema,” temm jgħid Josef Vella.