fbpx

Is-sinerġija bejn it-teknoloġija u x-xogħol diskussa f’seminar Ewropew bis-sehem tal-UĦM

Jeħtieġ li s-sistema edukattiva tiffoka iżjed fuq l-innovazzjoni u l-ħiliet neċessarji sabiex inkunu kapaċi naħdmu iżjed fl-era diġitali. Għaldaqstant it-tfal tagħna għandhom jitrawmu miċ-ċkunija u jkunu edukati iżjed fit-teknoloġija tal-informazzjoni qabel ma jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Dan sostnih, fost oħrajn, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers f’seminar organizzat minn Krifa, WOW Europe u ċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema (EZA) bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, fil-Lukanda Le Meridien, San Ġiljan nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2017.

Is-seminar ta’ jumejn tratta t-tema A connected Digital Single Market and Change of Work. What will be the effect for consumers, employees and trade unions?

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM  Voice of the Workers stqarr li makni, apparat u tekniki sofistikati qed jaffettwaw il-qasam tax-xogħol. Madankollu hu saħaq li m’għandhiex inħallu d-diġitalizzazzjoni sseħħ mingħajr ma jkun hemm linji gwida stabbiliti  u ċari.

Josef Vella qal li trid issir dintinzjoni bejn xogħolijiet (tasks) u l-impjiegi: ta’ l-ewwel huma assoċjati mal-makni filwaqt li l-impjiegi huma tal-ħaddiema.

Hu żied li t-trade unions Ewropej,  inkluż dawk f’pajjiżna, bdew jiffokaw fuq id-diġitalizzazzjoni f’dawn l-aħħar ftit snin. Din hi indikazzjoni ċara li x-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu żminijiet fertili għal żviluppi u avvenimenti ġodda fejn għandu x’jaqsam is-settur diġitali.

Intant fis-seminar ħadu sehem diversi kelliema oħrajn, fosthom, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija.  Hu saħaq li t-trade unions għandhom rwol kruċjali biex permezz tat-taħriġ jassistu lill-ħaddiema jkunu aġġornati mat-teknoloġija. Claudio Grech qal  li għandna nisfruttaw it-talenti tal-ħaddiema fl-ICT u kompla li qed ikun imbassar li 90 fil-mija tal-ħaddiema jeħtieġu li jkunu litterati fit-teknoloġija fil-futur qrib. Fuq kollox, sostna d-Deputat Nazzjonalista, għandna nikkonċentaw iżjed fuq l-innovazzjoni. “Ma jistax ikollna suq diġitali b’saħħtu jekk ma jkollnix bażi b’saħħitha fuq l-innovazzjoni,”saħaq Claudio Grech filwaqt li żied li din  għandha tkun imħaddna madwar il-livelli kollha tas-soċjeta’.

IMG_9997 IMG_9993 IMG_9992  IMG_9979  IMG_9983 IMG_9977 IMG_9972 IMG_9970 IMG_9965 IMG_9962IMG_9978IMG_9982

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment