fbpx

It-Tribunal Industrijali għandu jitmexxa minn Maġistrat

“Jeħtieġ li flok ikun immexxi minn Chairperson, it-Tribunal Industrijali jibda jitmexxa minn Maġistat u l-membri fuq it-Tribunal ikunu esperti jew ikollhom għarfien dwar il-liġi industrijali.”

Dan saħqu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers f’konferenza tal-aħbarijiet li trattat l-iżviluppi li qed iseħħu u r-riformi li jridu jsiru fit-Tribunal Industrijali.

Qorti tal-Appell imxiet ma sentenza li kienet ingħatat  is-sena li għaddiet u li sostniet li l-liġi li waqqfet it-tribunal industrijali tmur  kontra l-Kostituzzjoni ta’  Malta għax ma tagħtix garanzija għal indipendenza u imparzjalita’ f’għajnejn il-liġi.

Josef Vella appella għal soluzzjoni dejjiema dwar din il-kwistjoni u stqarr li l-proposta tal-Gvern biex jestendi t-terminu preżenti taċ-Chairpersons – minn tliet snin għal erba’ snin – hi waħda “nofs leħja”. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li għandha  tinstab soluzzjoni mill-aktar fis għax it-tribunal bħalissa mhux qed jiffunzjona b’mod stabbli. “Jeħtieġ li jkun hemm rappreżentanza xierqa u ġustizzja adekwata,”sostna Josef Vella.

Hu kkritika lill-Gvern talli qed jitfa’ din  il-problema fuq il-Gvern preċedenti u żied li l-Gvern attwali ilu jmexxi lill-pajjiż għal dawn l-aħħar tliet snin u jeħtieġ li jsolvi l-kwistjoni fi  żmien qasir.

Ian Spiteri Bailey, l-Avukat ta’ UĦM Voice of the Workers qal li madwar 22 avukat ippreżentaw rikors fil-Qorti sabiex il-każijiet kollha li qed jinstemgħu quddiem it-Tribunal  ikunu differiti. Hu qal li hi xi  ħaġa tad-daħq li l-avukati huma mistennija jargumentaw il-każijiet tagħhom quddiem tribunal mhux kostituzzjonali.

Martin Balzan, il-President tas-CMTU, fisser li s-CMTU qed tieħu pożizzjoni komuni dwar din il-kwistjoni u qal li l-proposti tal-Gvern għat-Tribunal huma dgħajfa u ma jħarsux lill-ħaddiema. Hu sostna li l-persuni li qed imexxu t-tribunal għandu jkollhom għarfien legali u esperjenza adekwata fuq ir-relazzjonijiet industrijali.

Il-proposta prinċipali tal-Gvern hi li testendi t-terminu preżenti taċ-Chairpersons mingħajr ma tindirizza l-problema prinċipali.

Sadattant laqgħa tal-Employment Relations Board (ERB) għall-unions u min iħaddem se ssir għada sabiex il-proposti tal-gvern dwar it-tribunal industrijali jkunu diskussi.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet  kien  hemm Mary Anne Sant Fournier, Viċi President tas-CMTU; William Portelli, il-President tal-MUBE; Edwin Balzan, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers u Andrew Grima, għajnuna legali ta’  UĦM Voice of the Workers.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment