fbpx

Jintemm b’suċċess seminar organizzat mill-EZA u l-UĦM dwar id-djalogu soċjali

Is-seminar dwar id-djalogu soċjali Ewropew, organizzat miċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet  tal-Ħaddiema (EZA) b’kollaborazzjoni ma’ UĦM Voice of the Workers, intemm b’suċċess il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-qofol tad-diskussjoni fit-tieni u l-aħħar jum tas-seminar intlaħaq b’taħdita dwar ir-rwol tal-imsieħba soċjali, il-politika u s-soċjeta’ fit-tfassil tad-dinja tax-xogħol  li qed tinbidel. Għal din  id-diskussjoni ħadu sehem Kristy Debono, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista  dwar is-Servizzi Finanzjarji,  l-IT u l-Gaming; Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kif  ukoll Robert Metrailler, minn Transfair tal-Iżvizzera. L-importanza tal-edukazzjoni  kien l-aktar suġġett li ġie trattat matul din  id-diskussjoni. Dan għax mingħajr edukazzjoni l-ġenerazzjonijiet ta’ għada ma jkunux  jistgħu javvanzaw  u jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-programm tal-Ġimgħa ffoka wkoll fuq numru ta’ workshops u li  matulhom ġew trattati suġġetti tematici,  bħad-Dinja Diġitali tax-Xogħol, bis-sehem fost oħrajn tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, il-Migrazzjoni fis-Suq tax-Xogħol, bil-parteċipazzjoni ta’  Martine Cassar, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) kif ukoll il-Green Jobs.

Fl-ewwel parti tal-programm tal-Ġimgħa, saru diskorsi dwar il-linji gwida amministrattivi tal-EZA minn uffiċjali fi ħdan l-istess EZA, għas-sena d-dieħla.  Saret ukoll preżentazzjoni dwar it-temi li se jkunu koordinati permezz ta’ proġetti relatati mad-djalogu soċjali għall-2016.

Is-seminar intemm b’diskorsi minn Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’  UĦM Voice of the Workers u minn Sigrid Schraml, is-Segretarju Ġenerali ta’ EZA.

Josef Vella tkellem dwar l-importanza tad-drittijiet iżda  fuq kollox saħaq dwar  l-edukazzjoni  u t-tagħlim tad-drittijiet.  It-twettiq tad-demokrazija ssib il-milja tagħha fit-tisħiħ tad-drittijiet. Id-drittijiet huma  hemm biex inkunu assertivi dwarhom  u nieħdu dak li hu dritt tagħna.

Sigrid Schraml saħqet  dwar  id-diskussjoni ta’ ideat ġodda filwaqt li faħħret  il-kontribut tad-delegati kollha li lkoll taw sehemhom  b’xi  mod jew ieħor. Awgurat li l-EZA tkompli taħdem favur id-djalogu soċjali permezz ta’  proġetti b’riżq iċ-ċittadini Ewropej.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment