fbpx

Jintemm b’suċċess taħriġ innovattiv mill-UĦM dwar id-djalogu soċjali

Madwar 200 ħaddiem minn diversi postijiet tax-xogħol temmew b’suċċess taħriġ innovattiv dwar id-djalogu soċjali li kien organizzat mill-Union Ħaddiema Magħqudin, bl-għajnuna tal-aġenzija MISCO.

It-taħriġ fil-Bipartite Social Dialogue u fit-Tripartite Social Dialogue,  li għalih ikkonkorrew  aktar minn 250 ħaddiem minn diversi postijiet tax-xogħol, ikkonsista f’numru ta’ korsijiet dwar id-djalogu soċjali li saru kemm fi klassi kif ukoll online għall-ewwel darba. Tant hu hekk, li ħadu sehem diversi ħaddiema minn Għawdex, ġenituri bi tfal żgħar kif ukoll numru ta’ ħaddiema bi bżonnijiet  speċjali li qagħdu  għal taħriġ permezz tal-internet.

Iċ-ċeremonja ta’ tqassim  ta’ ċertifikati, li saret fl-Istitut Kattoliku l-Furjana nhar il-Erbgħa 21 ta’ Ottubru, kienet  ħolqa oħra minn katina fejn il-UĦM, mill-kliem għaddiet għall-fatti, u wriet b’mod konkret kif tista’ trawwem lill-ħaddiema jiksbu aktar għarfien  dwar id-djalogu soċjali.

Josef Vella,  is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, qal f’kelmtejn tal-okkażjoni li l-viżjoni tal-UĦM, biex issaħħaħ il-vuċi tal-ħaddiema fid-djalogu soċjali, immaterjalizzat permezz tal-proġett Voice  of the Workers. Hu ħeġġeġ  lill-ħaddiema biex jidħlu fil-portal www.voiceoftheworkers.eu u jaqraw il-kitbiet li jiġu pubblikati kull ġimgħa b’temi attwali li jolqtu lill-ħaddiema fil-laħam il-ħaj.

Fl-okkażjoni tal-bieraħ tkellem ukoll Lawrence  Zammit, direttur tal-MISCO u wieħed mill-għalliema li, flimkien ma’ John Muscat Drago u oħrajn, ta numru ta’ lezzjonijiet dwar id-djalogu soċjali, kemm fi klassi kif ukoll wiċċ’imb wiċċ permezz ta’  taħriġ fuq l-internet.

Il-portal tal-aħbarijiet Voice of the Workers ħa reazzjonijiet ta’ tliet ħaddiema u membri fil-UĦM, li ħadu sehem fit-taħriġ.

Sonia Bruno li taħdem mad-Dipartiment tal-Housing, qalet li t-taħriġ kien organizzat tajjeb  ħafna, b’għalliema li kellhom ħeġġa kbira sabiex jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-ħaddiema. Hi faħħret lill-għalliema għax kienu l-ħin kollu jistimulaw id-diskussjonijiet. “It-taħriġ ta iżjed kunfidenza fil-ħaddiema stess dwar l-aspetti prattiċi u akkademiċi fejn jidħlu negozjati pożittivi.”

Reuben Degabriele, li  jaħdem mal-Caritas, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qagħad għat-taħriġ fit-Tripartite Social Dialogue u li minnu tgħallem ħafna. “Kien hemm suġġetti li personalment qatt ma smajt bihom u permezz ta’ dan it-taħriġ tgħallimt  is-sinifikat  tagħhom”. Hu żied li l-grupp li għamel parti minnu kien wieħed parteċipi ħafna matul it-taħriġ u d-diskussjonijiet li tqajmu kienu maturi ħafna.

Caroline Vella, li taħdem bħala Allied Assistant fid-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, faħħret it-taħriġ li sar online u fissritu bħala wieħed utli ħafna. Għal Caroline,  li hi wkoll shop steward, “is-suġġett tat-teamwork tani iżjed għajnuna biex nifhem u nagħder aħjar lil dawk il-membri li jkunu għaddejjin  minn xi problema matul ix-xogħol tagħhom fl-Isptar.”

Sadattant il-lezzjonijiet  fil-Bipartite Social Dialogue (permezz ta’ taħriġ fuq l-internet) u fit-Tripartite Social Dialogue (tagħlim fi klassi) ġew  trattati temi bħal, fost oħrajn, il-komunikazzjoni u  l-ħiliet  fin-negozjati, il-Liġi Industrijali u tax-Xogħol, l-Ekonomija, il-Globalizzazzjoni u l-impatt  fuq l-Ekonomija Lokali kif ukoll il-policies ambjentali,  l-Ewropa 2020, policies dwar  l-impjiegi u l-analiżi tal-

istatistika.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment