fbpx

Kundizzjonijiet u salarji aħjar għall-ħaddiema tal-Freeport

Mill-ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-management  tal-Malta Freeport Terminals Limited fil-jiem li għaddew, se jibbenefikaw madwar 600 ħaddiem  u l-familji tagħhom.

F’laqgħa li saret dan l-aħħar mal-Kumitat tal-UĦM li  jirrappreżenta l-ħaddiema tal-Freeport, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li matul ix-xhur ta’ negozjati saret ħidma bla waqfien sabiex il-ħaddiema jgawdu minn pakkett ta’ inċentivi, kundizzjonijiet aħjar u salarji iżjed adekwati.

Fisser kif sar  xogħol mill-istess kumitat tal-ħaddiema tal-Freeport fi ħdan  il-union, mill-uffiċjali tal-union kif ukoll mill-management tal-kumpanija. Hu stqarr li dan il-ftehim iġib miegħu titjib fil-kundizzjonijiet u fil-prattiċi tax-xogħol kif ukoll tisħiħ fl-istruttura tas-salarji.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers saħaq dwar  l-importanza ta’ ftehimi kollettivi għal ħaddiema f’postijiet tax-xogħol kbar bħalma hu l-Freeport. Hu qal li l-ftehimi kollettivi qiegħdin hemm biex jirregolarizzaw il-ħaddiema. Jekk dan ma jseħħx allura jridu jsiru arranġamenti fuq livell individwali.

Il-UĦM  Voice  of the Workers tfakkar li f’Mejju 2016, wara ‘battalja legali’, hi kienet kisbet mill-ġdid ir-rikonoxximent biex tirrapreżenta u tinnegozja f’isem il-ħaddiema tal-Freeport. Sussegwentament, fi żmien sitt xhur, tħejja ftehim kollettiv b’kundizzjonijiet u salarji aħjar għall-ħaddiema tal-kumpanija.  Il-ftehim kollettiv  negozjat bejn il-UĦM Voice  of the Workers u l-Malta Freeport Terminals Limited ikopri l-perijodu 2016-2021.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment