fbpx

L-attitudni tal-Gvern ma tħalli l-ebda triq oħra ħlief tal-azzjonijiet industrijali

Il-UĦM Voice of the Workers se tibda azzjonijiet industrijali minn nhar it-Tnejn li ġej wara li l-Gvern injora għall-kollox kull sforz li għamlet biex tinstab soluzzjoni madwar mejda fil-kwistjoni tas-sewwieqa tal-ambulanzi. Din l-attitudni tal-Ministeru tas-Saħħa li jirrifjuta li juża l-għodda tad-djalogu soċjali jidher li saret l-unika strateġija ta’ dan il-ministeru tant li fi kwistjoni separata din id-darba fuq l-allied assistants, qed irrifjuta li jiltaqa’ mal-union. 

Fil-każ tal-emergency ambulance responders, il-UĦM tinnota li l-impenn tagħha biex tinstab soluzzjoni jirrifletti l-appell li sar mill-Qorti fil-mandat ta’ inibizzjoni li l-ministeru kien fetaħ f’Marzu li għadda. Dakinhar il-Qorti kienet stiednet liż-żewġ partijiet “sabiex jagħmlu sforzi ikbar biex jilħqu ftehim u dan fl-interess suprem tas-saħħa pubblika u l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema possibbli u fattibbli”.

Minkejja li għaddew kważi xahrejn, il-ministeru baqa’ ma ppreżenta l-ebda proposta fuq ftehim kollettiv ġdid li ilu li skada. Dan juri li sal-lum ma kien hemm l-ebda rieda ġenwina min-naħa tal-Gvern.

Dwar l-allied assistants, il-UĦM tinnota li ilha tistenna l-kontro proposti tal-Gvern għal diversi xhur imma dawn baqgħu ma ġew qatt. Dan wassal biex f’Marzu li għadda kienu ordnati xi azzjonijiet industrijali bit-tama li l-Gvern jiċċaqlaq. Minkejja li dan ma ġarax, il-union qed tagħti ġimgħa ċans oħra biex il-Gvern iressaq il-proposti tiegħu. Jekk dan ma jsirx l-azzjonijiet industrijali se jkunu qed jeskalaw.

Il-UĦM tinnota li filwaqt li l-Gvern jipprova jagħti l-impressjoni li hu l-vuċi tal-pazjenti mhux qed jifhem li meta jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jkun qed iwassal għal servizz aħjar lill-pazjenti.

Barra minn hekk ukoll l-union tinsab sorpriża bid-dikjarazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li qal li dwar il-kwistjoni tal-carers għaddejjin negozjati. Il-UĦM tistaqsi meta, fejn u ma’ min, saru dawn it-taħditiet fid-dawl tal-fatt li qatt ma rċeviet xi stedina mingħand il-Gvern.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment