L-EPA U L-UHM JIFFIRMAW L-EWWEL FTEHIM KOLLETTIV
L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (EPA) u l-UHM – Voice of the Workers, iffirmaw l-ewwel ftehim kollettiv li se jkun fis-seħħ mill-2025 sal-2028. Il-ftehim jirrappreżenta avvanz sinifikanti għall-Awtorità, li jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, paga aktar ġusta, u aktar opportunitajiet ta’ karriera għall-impjegati tagħha.
Għalkemm dan il-ftehim jikkonċerna tim żgħir ta’ tmien impjegati, il-kontribuzzjonijiet tagħhom huma vitali għax iwettqu dmirijiet sensittivi u speċjalizzati li huma ċentrali għar-responsabbiltajiet tal-EPA.
Punti ewlenin tal-ftehim:
- Tul ta’ żmien: il-ftehim huwa b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2025, sal-31 ta ’Diċembru 2028.
- Kundizzjonijiet tax-xogħol: miżuri favur il-familja u prattiki moderni tax-xogħol biex jgħinu lill-ħaddiem jikseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
- Pakkett finanzjarju msaħħaħ li jinkludi:
- żieda fis-salarju bażiku
- allowance fissa ġdida li tirrifletti n-natura speċjalizzata tax-xogħol tagħhom
- Performance bonus għall-impjegati fi gradi ogħla
- Avvanz fil-karriera: struttura ġdida tas-salarji favur l-iżvilupp tal-karriera u l-introduzzjoni ta’ skala ġdida fi ħdan l-istruttura, li tipprovdi lill-impjegati b’ aktar opportunitajiet biex javvanzaw.
F’isem il-UHM Voice of the Workers iffirmaw Mario Sacco, Direttur, u Antoinette Aquilina, Employment Relations Executive Manager.
Il-UHM Voice of the Workers tirringrazzja lil Simone Attard, CEO tal-EPA, Maureen Mahoney, (Direttur Ġenerali People Management) u Gwen Gatt (Direttur People Management) mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Theresa Formosa (Assistent Direttur mid-Diviżjoni tal-People & Standards), għall-koperazzjoni u l-professjonaliżmu tagħhom matul in-negozjati.