L-ewwel ftehim kollettiv ma’ Festivals Malta

Il-UHM Voice of the Workers iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv ma’ Festivals Malta, li jkopri perjodu ta’ ħames snin u li minnu se jgawdu  madwar 40 impjegat f’diversi rwoli, fosthom pożizzjonijiet maniġerjali, eżekuttivi, amministrattivi, tekniċi, u ta’ ħaddiema tas-sengħa.

Il-ftehim jirrifletti l-impenn kontinwu tal-union biex ittejeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tirrikonoxxi l-kontribut tal-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta. Il-kisbiet ewlenin tal-ftehim jinkludu:

  • żidiet sinifikanti fis-salarji bażiċi
  • l-introduzzjoni ta’ allowances  fissi, fosthom class allowance, communication allowance u trade and technical allowance.
  • disturbance allowance u kumpens strutturat għal sigħat addizzjonali maħduma matul il-festivals
  • performance bonuses
  • opportunitajiet ta’ avvanz fil-karriera  

Il-ftehim hu riżultat ta’ xhur ta’ negozjati. Il-UHM Voice of the Workers tirringrazzja lil Thomas Woods u Christopher Darmanin mill-Industrial Relations Unit, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius u lid-Direttur tal-operat Etienne Bonello għall-kollaborazzjoni u l-impenn tagħhom.

Grazzi wkoll lir-rappreżentant tal-impjegati Clayton Saliba, li l-kontribut u l-appoġġ tiegħu kienu strumentali matul il-proċess tan-negozjati. Fuq kollox, nirringrazzjaw lill-impjegati ta’ Festivals Malta għall-koperazzjoni, id-dedikazzjoni, u x-xogħol imprezzabbli li jwettqu matul is-sena.

Festivals Malta għandha rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-identità kulturali Maltija billi torganizza kalendarju varjat ta’ festivals u avvenimenti nazzjonali, fosthom il-Karnival, il-Malta Jazz Festival, in-Notte Bianca, il-Festival Mediterranju tal-Lletteratura, u ħafna aktar.

F’isem il-UHM iffirmaw id-Direttur tal-UHM Mario Sacco u Antoinette Aquilina (Employment Relations Executive Manager)