fbpx

L-gvern ma żammx kelmtu fuq il-ħaddiema ta’ Steward

UĦM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex wara li l-gvern ma żammx kelmtu li jassorbi l-ħaddiema ta’ Steward Healthcare sal-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Għalhekk minn nhar it-Tnejn 1 ta’ Frar il-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet immexxija minn Steward mhux qed jaraw pazjenti ġodda u mhux qed jagħmlu follow-ups sakemm ma jkunux każijiet urġenti.

Fl-2019 meta l-UĦM kienet rebħet l-għarfien uffiċjali tal-ħaddiema ta’ Steward kienet minnufih talbet li dawn ikunu assorbiti mal-gvern. Din fid-dawl tal-fatt li ġaladarba kienu qed jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti bħalhom li huma impjegati mal-gvern, ma kienx ġust li jibqgħu jitħallsu inqas minnhom.

F’Novembru li għadda l-gvern kien ikkommetta ruħu li jilqa’ din it-talba wara li l-UĦM kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali. Il-gvern kien aċċetta li jassorbi dawn il-ħaddiema u jagħtihom paga u kundizzjonijiet ugwali b’seħħ lura mill-1 ta’ Jannar 2019. Kien intrabat ukoll li l-proċess tat-trasferiment tal-ħaddiema kellu jsir sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda. Madanakollu, dan ma seħħx. Fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar, il-UĦM kienet tat ġimgħa oħra ċans lill-gvern biex isiru t-tibdiliet neċessarji. Għal darb’oħra, il-gvern reġa’ ma żammx kelmtu tant li lanqas biss wieġeb korrispondenza li ntbagħtet mill-UĦM. Dan wassal biex il-union tiddikjara tilwima industrijali u tieħu diversi azzjonijiet.  

Il-UĦM tispera li l-gvern jagħti widen lil dawn il-ħaddiema u jwettaq dak li wiegħed biex dawn il-professjonisti li kienu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-COVID-19 jiġu trattati bid-dinjità li tistħoqqilhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment