Spiżjara fi sptarijiet tal-Gvern qed jagħtu sehmhom fil-preparazzjoni tal-vaċċin Covid-19 u mhux kif allega l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace f’intervista mal-MaltaToday.
Skont Pace “l-ispiżjara iddeċidew li ma jippreparawx il-vaċċin, u għalhekk dan ix-xogħol waqa’ fuq l-infermiera”. “Li kieku kont il-gvern, kont nuża l-ispiżjara biex ikun preparat il-vaċċin waqt li l-infermiera jiffukaw fl-għoti tat-tilqima – iktar kemm ikun hemm nies involuti, aħjar,” il-President tal-MUMN qal.
Jirriżulta li l-ispiżjara qed jippreparaw il-vaċċin biex ikun jista’ jiġi amministrat u jinnotifikaw lill-Awtorità tal-Mediċini f’każ li dan jikkawża xi sintomi mhux mixtieqa. Madankollu, dan qed isir fil-limiti tar-riżorsi disponibbli fl-isfond tan-numru limitat ta’ spiżjara fis-servizzi tas-saħħa tal-gvern. Dawn id-dmirijiet huma lil hinn mid-dmirijiet normali tagħhom. Ħafna spiżjara ma ħadux ġurnata ta’ mistrieħ għal diversi xhur biex jiżguraw it-tħaddim bla xkiel tad-diversi servizzi farmaċewtiċi offruti mill-gvern. Barra minn hekk, in-numru limitat ta’ spiżjara li jaħdmu mal-gvern ma jistax titqabbel mal-eluf ta’ infermiera impjegati mal-Istat.
Minkejja dan, l-ispiżjara tal-gvern huma dedikati biex jagħtu prijorità u jiffukaw fuq ħidma relatata mat-tilqim Covid-19 filwaqt li għadhom jipprovdu s-servizzi farmaċewtiċi l-oħra kollha. Dawn jinkludu l-koordinazzjoni tar-rekwiżiti nazzjonali kollha tal-ħażna u d-distribuzzjoni għall-vaċċini Covid-19, miżuri biex tkun assigurata l-kwalità fosthom kontrolli fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa, u taħriġ (inklużi lill-infermiera). Ix-xogħol siewi li qed isir mill-ispiżjara tal-gvern fid-diversi dipartimenti huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b’suċċess u bla riskju tal-programm ta’ tilqim tal-vaċċin f’Malta.
UĦM Voice of the Workers tinnota li l-mediċini u l-vaċċini ma jsibux ruħhom fuq l-ixkafef b’kumbinazzjoni. L-ispiżjara jridu jaħdmu fil-qafas ta’ aspetti leġiżlattivi farmaċewtiċi kumplessi kif ukoll proċeduri u mekkaniżmi biex il-pazjenti jirċievu trattamenti mediċi ta’ kwalità għolja, siguri u effettivi. Il-President tal-MUMN Paul Pace għandu l-ewwel jivverifika l-fatti qabel ma jitfa’ dell fuq l-Ispiżjara tal-gvern.