“L-Unjoni Ewropea trid tkun rilevanti billi tpoġġi s-sussidjarjeta’ fil-prattika għax iċ-ċittadini mhumiex qed jingħataw vuċi, mhumiex qerd jingħataw widen. Li tkun ottimist hu tajjeb fil-ħajja imma mhux biżżejjed. L-UE trid taġixxi bis-serjeta’.”
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fid-diskors tiegħu matul il-laqgħa tal-Grupp għall-Ħaddiema fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li saret fil-Lukanda Palace, Tas-Sliema l-Ħamis 11 ta’ Mejju 2017. It-tema tal-konferenza kienet EU at a crossroads: Time to step up on social progress and fair trade.
Josef Vella tkellem dwar l-isfidi għas-suq tax-xogħol u r-relazzjonijiet tal-impjiegi. Hu saħaq li l-ħaddiema m’għandhomx jiċċaħħdux minn kuntratti tax-xogħol. Quddiem ir-rappreżentanti tal-Grupp għall-Ħaddiema fi ħdan il-EESC, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers enfasizza l-bżonn li ‘nżewġu’ t-teknoloġija mad-diversi mudelli ta’ kuntratti tax-xogħol, kuntratti li mbagħad jittellgħu fuq is-sit elettroniku tal-Jobs Plus.
Josef Vella tratta l-isfida tal-early school leavers u qal li 20 fil-mija ta’ żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena qed iħallu l-edukazzjoni tagħhom. Hu staqsa x’qed isir ħażin u għaliex il-pajjiż qed ifalli fis-sistema edukattiva. 55 fil-mija ta’ żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena qed ikomplu bl-edukazzjoni terzjarja imma huma 26 fil-mija biss li qed jiksbu lawrija. Hemm ukoll 25 fil-mija ta’ żgħażagħ ta’ dik l-eta’ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol bħala ħaddiema bla ħiliet. “Hawn ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ bla ħiliet li qed jiġu b’aspettattivi għoljin fejn jidħol is-salarju”, sostna Josef Vella.
Min-naħa l-oħra l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li din il-union qed taħdem permezz tal-programma Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Work Programme biex żgħażagħ li ma jkollhomx ħiliet edukattivi bażiċi jitħarrġu ħalli jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dwar id-djalogu soċjali, Josef Vella spjega kif hawn ħaddiema u min iħaddem li mhumiex f’union u allura mhumiex parteċipi fid-djalogu soċjali. Imbagħad meta jinqala’ l-għawġ jippretendu li jiksbu l-għajnuna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li ċ-ċittadini Ewropej jinsabu f’salib it-toroq u żied li jekk l-Unjoni Ewropea trid tkun istituzzjoni serja trid tinżel iżjed għal-livell taċ-ċittadin. Josef Vella qed jittama li d-djalogu soċjali fl-UE, u anki f’pajjiżna, jingħata l-importanza li jixraqlu.
Intant, fl-introduzzjoni għal din il-laqgħa, Gabriele Bischoff, il-President tal-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan il-EESC, qalet fost oħrajn li l-ħaddiema fir-Renju Unit qed iħabbtu wiċċhom ma’ futur inċert. Hi sostniet li l-Presidenza Maltija hi kruċjali biex tindirizza l-instabbilta’ politika fl-Ewropa. Gabriele Bischoff qalet li l-Ewropa għandha tkun iżjed inklussiva filwaqt li enfasizzat dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar investiment f’impjiegi ta’ kwalita’ sabiex il-ħaddiema jgawdu minn salarji aħjar.
Kelliema oħrajn inkudew lill-Prim Ministru Joseph Muscat li fost oħrajn qal li l-Brexit u Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti ħolqu shock waves li se jservu ta’ katalisti dwar il-mod kif l-Unjoni Ewropea trid timxi ‘l quddiem. Dwar l-għaqda Ewropea, il-Prim Ministru stqarr li ħadd għadu ma ġie bi proposti konkreti u allura d-diskussjonijiet għandhom jitkomplew biex il-bidliet li jridu jsiru jitwettqu fil-grassroots. Hu qal ukoll li l-UE trid tkompli tistinki fuq kwistjonijiet marbutin mal-immigrazzjoni.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm, fost oħrajn, Dr. Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant ta’ UĦM Voice of the Workers fi ħdan il-EESC.