fbpx

Min hu involut f’din il-kriżi nazzjonali jrid jerfa’ ir-responsabbiltà politika

Jekk dan il-pajjiż irid  jgħaddi minn triq li twassal għan-normalità, irridu naraw li min huwa involut f’din il-kriżi nazzjonali jerfa’ ir-responsabbiltà politika.

Dan qalu Josef  Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt festin għall-pensjonanti tal-UĦM li sar f’Villa Arrigo, San  Pawl tat-Tarġa t-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2019.

Hu fakkar kif il-pajjiż jinsab wieqaf għax is-sitwazzjoni li spiċċa fih wasslet għal dan l-istaġnar. Hu fisser kif il-UĦM Voice  of the Workers tkellmet ma’ diversi employers li lkoll wasslu l-messaġġ li l-ekonomija tinsab wieqfa.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li mhux la kemm wieħed jgħid li għandu jitfassal pjan fit-tul jew biex ikun hemm riformi fil-Kostituzzjoni. Il-pjan irid ikun fl-immedjat għax ħadd mhu qed jitkellem biex titwaqqaf l-emorarġija.

Josef Vella qal li l-Kostituzzjoni tkopri elenku ta’ x’inhuma l-valuri tal-pajjiż u l-istess Kostituzzjoni tħalli f’idejn in-nies li jmexxu l-pajjiż biex isalvagwardjaw dawn il-valuri. Iżda l-Kostituzzjoni m’għandha xejn ħażin, anzi hija s-sitwazzjoni li qiegħda fiha Malta li hija ħażina peress li l-pajjiż għandu nuqqas ta’ governanza.

Il-UĦM Voice of the Workers se tibqa’ għaddejja u ssemma leħinha minkejja l-fatt li s-soluzzjoni għall-kriżi nazzjonali mhux se tinstab malajr.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qed jittama li fil-jiem li ġejjin titħejja t-triq sabiex il-pajjiż jerġa’ lura għan-normalità. Imma sabiex ngħaddu minn din it-triq, irridu naraw li min kien involut fil-kwistjoni kollha jrid jerfa’ ir-responsabbiltà politika. Josef Vella saħaq li din ir-responsabbiltà politika mhix legali imma tfisser li meta xi ħadd jiżbalja b’mod gravi għandu jkun matur biżżejjed biex jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Ninsabu f’sitwazzjoni fejn jekk ħaddiem jisraq  ftit kafè, li  l-aġir minnu nnifsu huwa ħażin, jiġi sospiż sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet fuqu. Għall-kuntrarju, min jabbuża u jkun korrott f’għemilu ma jirriżenjax. F’Malta m’hemm ebda raġuni għaliex wieħed għandu  jirriżenja!

Josef Vella żied li għax ħadd  ma assuma responsabbiltà politika, trid issir ġustizzja imma din se ddum ma titwettaq. F’dan il-kuntest wieħed jibda jitlef il-fiduċja fil-qrati.

Hu qal li jekk min jidħol fil-politika ma jkollux l-interess nazzjonali u l-interess li jservi flok jisserva, allura jkun inutli. Sabiex ma jerġax ikollna kriżi bħalma qed ngħixu bħalissa, irid ikun hemm nies fil-Parlament li jservu l-Kostituzzjoni mingħajr biża’ u favuri.

Intant Josef Vella ħabbar li din  is-sena d-dħul mis-sħubija fil-union żdied b’40 fil-mija u dan jawgura tajjeb. Hu qal li s-sena l-ġdida se tkun waħda eċċitanti għall-UĦM Voice of the Workers, għax, fost oħrajn, se jitnieda ktieb ġdid dwar  l-istorja tal-union, se jkunu inawgurati kwartieri ġodda u se titlaqqa’ il-Konferenza Ġenerali.

Dan kollu se jkun qed isir sabiex il-UĦM Voice of the Workers ittejjeb is-servizzi tagħha li jingħataw lill-ħaddiema u lill-pensjonanti.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment