Il-UĦM titlob lill-gvern sabiex ma jħallix aktar spekulazzjonijiet jċajpru l-proġett tal-Power Station. Għaldaqstant l-UĦM temmen li mill-iktar fis possibli l-gvern għandu jsejjah konferenza stampa fejn jispjega lill-pubbliku kif dan l-proġett se jkompli u x’inhuma l-pjanijiet u l-miri.
Barra minn hekk, il-UĦM qed titlob sabiex il-gvern jieħu ħsieb ifiehem lill-pubbliku rigward is-sostennibilta’ tat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-UĦM dejjem fehmet li r-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jkun sostnut minn sistema ġdida ta’ Power Station li hija iżjed “cost effective” u li allura dan kien se jirrifletti fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-UĦM tispera li s-sostenibbilta’ ta’ roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma teżisti u l-gvern għandu jispjega. “Nisperaw li r-roħs fil-kontijiet kemm għal-konsumatur u kif ukoll għall-industrija ma jispiċċawx jinġarru mill-ħaddiema u l-familji tagħhom b’xi forma moħbija ta’ taxxa” tenna jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, Josef Vella.