Il-UĦM Voice of the Workers tifhem li ċertu miżuri kellhom jiġu rilaxxati għall-ġid tal-ekonomija tal-pajjiż. Madankollu, din il-union xorta waħda għandha r-riservi tagħha dwar il-mod kif dawn ir-restrizzjonijiet ġew imneħħija.
Il-UĦM Voice of the Workers tinsab imħassba wara li ġie kkomunikat li minn nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju kollox se jirritorna għan-normal. Il-UĦM tinnota d-diversi messaġġi li ngħataw minn diversi Ministri kif ukoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li t-teleworking għandu jibqa’ għaddej anke meta jgħaddi kollox.
Din il-union qed titlob lill-Gvern sabiex ikompli jagħti l-opportunità lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur u fis-servizz pubbliku sabiex, min jista’, ikompli jaħdem bit-telework. Il-Gvern għandu jikkunsidra din it-talba fid-dawl li tali esperjenza kienet pożittiva għall-ħaddiema u anki għal min iħaddem.
Jekk dan ma jseħħx allura jkun ifisser li se mmorru lura għan-normalità u li ma tgħallimna xejn minn din l-esperjenza; lura għan-normalità se tfisser ukoll lura għall-problemi li kellna qabel il-COVID-19 bħal, il-problemi tat-traffiku u l-ambjent.
Din it-talba wkoll qed issir peress li hemm ħaddiema li ma jistgħux jirritornaw fiżikament għax-xogħol għax iridu jieħdu ħsieb lil uliedhom. Dan fid-dawl li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin u fid-dawl li, kemm Skolasajf kif ukoll iċ-Childcare Centres, mhux se jakkomodaw l-istess ammont ta’ tfal.
Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li għal dawk il-persuni li se jmorru lura fl-uffiċċji tagħhom, il-Gvern jassigura li jkun hemm risk assessment f’kull post tax-xogħol. Dan sabiex is-saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol ikunu salvagwardjati u li :
- id-distanza ta’ żewġ metri tkun tista’ tinżamm;
- ikun hemm ventilazzjoni tajba fil-post;
- it-tindif isir ta’ spiss;
- jiġu provduti sanitizers u ilbies protettiv fejn ikun hemm il-bżonn;
- il-ħaddiema jaraw li jkun hemm perspex screens ħalli l-pubbliku jkun protett;
- l-ispazji komuni kollha tal-postijiet tax-xogħol għandhom jiġu disinfettati immedjetament b’mod professjonali u jibqa’ jsir hekk fuq bażi regolari. Dan għandu jsir wara l-ħinijiet tax-xogħol.
L-intenzjoni ewlenija ta’ din il-union tibqa’ dejjem biex is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu mħarsa u biex jitnaqqsu r-riskji kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-pubbliku.
Dwar il-ħaddiema vulnerabbli, fosthom nisa tqal, persuni bid-dijabete, bi problemi fis-sistema immunitarja u iktar, il-UĦM Voice of the Workers għadha tal-fehma li ż-żmien għadu mhux propizju sabiex dawn il-ħaddiema jkunu esposti ladarba soluzzjoni aħħarija għall-COVID-19 għadha ma nstabitx. L-istess union għadha qed tinsisti li dawn għandhom jiġu protetti speċjalment jekk ir-riskju ta’ espożizzjoni tal-virus huwa wieħed enormi, bħal fl-isptarijiet u ħaddiema li jaraw il-pubbliku.