Is-sena l-oħra l-Malta Union of Midwives and Nurses imminat l-Allied Health Professionals, milli jinnegozjaw Ftehim Settorjali ġdid billi pprovat twaqqaf id-direttur tax-xogħol milli jlesti proċess ta’ għarfien.
F’Ottubru 2019, wara li l-proċess ta’ għarfien kien konkluż, u l-UĦM Voice of the Workers ġiet rikonoxxuta bħala l-Unjin li għandha tirrapreżenta dawn il-professjonisti, l-MUMN reġgħet ppersistiet b’mandat ieħor sabiex twaqqaf in-negozjati. Deher biċ-ċar li dan il-mandat kien wieħed biss biex jimmina d-dritt sagrosant ta’ aktar minn 1000 professjonist u kien għalhekk li dan il-mandat kien miċħud mill-Qorti.
Hi ta’ sfortuna illi sena wara, fl-ewwel ġurnata wara li ġew magħluqa n-negozjati tal-Ftehim Settorjali ta’ dawn il-professjonisti, l-Union tal-Infermiera reġgħet fetħet mandat t’inibizzjoni ieħor, bl-istess argumenti li ġew preżentati s-sena l-oħra. Din it-tattika mhi xejn għajr minn strateġija sabiex tweġġa’ lil dawn il-professjonisti, inkluż il-fiżjoterapisti li tant tisħaq li għandha għal qalbha.
Il-Fatti huma dawn:
- Il-UĦM Voice of the Workers ingħatat l-għarfien tal-Allied Health Professionals li jinkludu Audiologists, Biomedical Scientists, Dental Hygienists, Dental Technologists, Occupational Therapists, Physiotherapists, Podiatrists, Radiographers u Speech Language Pathologists f’Settembru 2019.
- F’Ottubru 2019, il-Union tal-Infermiera fetħet mandat t’inibizzjoni sabiex twaqqaf milli l-UĦM Voice of the Workers tinnegozja pakkett ta’ kundizzjonijiet għal dawn il-professjonisti, għax ir-riżultat tal-proċess ta’ verifika ma għoġobhiex u ppretendiet mod ieħor.
- Fid-deċiżjoni tal-mandat, il-Qorti kienet avżat li “għadd kbir ta’ professonjisti…..li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din it-tilwima u […] qed jistennew li jiġi konkluż il-ftehim settorali bit-tama li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiġi regolat aħjar”. Jidher biċ-ċar li l-Union tal-Infermiera ma tatx widen għal din iċ-ċanfira u allavolja tilfet il-mandat iddeċidiet li terġa’ tittanta xortiha a skapitu ta’ dawn il-professjonisti.
- Din id-deċiżjoni jidher li ma niżlitx sew lill-MUMN tant li lbieraħ, wara li ġew konklużi n-negozjati tal-Ftehim Settorjali ta’ dawn il-ħaddiema, reġgħet fetħet mandat li reġgħet talbet lill-Qorti l-istess ħaġa identika li talbet is-sena l-oħra.
- B’dan il-ftuħ ta’ mandat ifisser li l-Allied Health Professionals qed jiġu mċaħħda milli jgawdu minn kundizzjonijiet ġodda inkluż pagi li jirriflettu r-responsabbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti.
- Dan il-mandat ifisser ukoll li dawn il-kundizzjonijiet mhux ser jidħlu fis-seħħ mill-inqas sa xahar ieħor u potenzjalment bejn sena u tliet snin oħra.
Filwaqt, li l-UĦM Voice of the Workers dejjem aġixxiet fil-parametri tagħha u b’mod professjonali skont il-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet industrijali, ħaddieħor li qed isejjaħ l-għeneb bħala qares, qiegħed jibqa’ jimmina milli dawn il-professjonisti igawdu kundizzjonijiet aħjar.
Din il-Union fiduċjuża illi s-sens komun se jibqa’ jipprevali, hu tkompli tisħaq li dan l-aġir mill-Union tal-infermiera huwa aġir li mhux fl-interess tal-ħaddiema.