fbpx

UĦM Voice of the Workers trid tkompli tkun il-vuċi tal-ħaddiema

UĦM Voice of the Workers trid tkompli tkun il-vuċi tal-ħaddiema u taqbeż għal drittijiethom meta dawn ikunu mittiefsa”.

Dan qalu Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers waqt riċeviment organizzat mit-Taqsima Pensjonanti fi ħdan il-union f’Villa Arrigo, San Pawl tat-Tarġa ilbieraħ filgħodu.

Josef Vella irrefera għar-rebħa li għamlet UĦM Voice  of the Workers bir-rikonoxximent formali tal-ħaddiema fil-Malta Public Transport (MPT).  Hu qal li r-rebħa ma kinitx faċli anzi t-triq kienet mimlija ostakli  imma sa fl-aħħar il-persistenza rebħet.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser kif il-union għall-ewwel talbet għar-rikonoxximent tax-xufiera iżda mbagħad ġew il-ħaddiema fid-diversi taqsimiet tal-kumpanija  li wkoll talbu l-għajnuna tal-UĦM.

Josef Vella fakkar kif UĦM Voice of the Workers għadha kif ħarġet minn Konferenza Ġenerali fejn il-management attwali reġa’ ingħata mandat ieħor ta’ ħames snin biex ikompli jservi lill-membri tiegħu. Hu qal li l-2016 se tkun sena importanti għall-UĦM għax se tagħlaq 50 sena tagħti servizz siewi fil-pajjiż.

Josef Vella qal li l-ħidma  trejdunjonistika se tissokta bħala tim u se tkun qed tara x’inhu rilevanti. Hu stqarr li l-valuri se jibqgħu hemm u ma jitbidlux; saru biss bidliet fid-dehra tal-union tant li ‘libset libsa ġdida’ u minn Union Ħaddiema Magħqudin issa qed tissejjaħ  UĦM Voice  of the Workers.

Voice  of the Workers kien proġett li sar sentejn ilu bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea – proġett li ssarraf f’suċċess  tant li l-union ħadet parti mill-branding tiegħu u assimilaha.

UĦM Voice of the Workers trid tkompli tkun il-vuċi tal-ħaddiema,”saħaq Josef Vella filwaqt li żied li din il-union qed tkompli tħares  lejn il-membri tagħha u tagħmlilhom kuraġġ.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers sostna li din il-union l-ewwel taħdem b’moħħha biex tasal għall-objettivi tagħha; imma meta trid tapplika  l-militanza lesta li tagħmilha sabiex ma ċċaħħad lil ebda ħaddiem mid-drittijiet tiegħu.

Josef Vella qal li l-politika tal-UĦM hi ċara daqs  il-kristall, jiġifieri li tisħaq fuq iż-żieda tal-produttivita’ fil-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’  UĦM Voice of the Workers irrefera għall-pjani ta’ investiment li għandha din il-union għax-xhur u s-snin li ġejjin. Hu semma, fost oħrajn, it-tħejjijiet li qed isiru biex ikun pubblikat ktieb dwar l-istorja tal-UĦM. Hu appella lil min jiftakar lil din il-union mill-bidu tagħha, jiġifieri sa mill-1966, biex ma joqgħodx lura anzi javviċina lill-UĦM sabiex issirlu  intervista li tkun mitqlu deheb għar-riċerkaturi ta’ din il-pubblikazzjoni imprezzabbli.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment