Fit-30 ta’ April, il-UĦM organnizat b’suċċess seminar bis-suġġett: UĦM+ Xogħol b’Valur Miżjud.
Dan is-seminar kellhu attendenza ta’ madwar 300 ruħ li jinkludu diriġenti, segretarji tat-taqsimiet, membri u kumitati.
Is-seminar infetaħ billi ndaqq l-innu tal-UĦM. Il-kelliema ewliena f’dan is-seminar kienu l-President tal-Union, Jesmond Bonello, is-Segretarju Ġenerali Josef Vella kif ukoll is-segretarji tat-taqsimiet fi ħdan il-Union li spjegaw il-progress u x-xogħol li sar minnhom fit-taqsima rispettiva tagħhom.
Sar wkoll workshop bejn it-taqsimiet kollha fejn dawk preżenti ikkontribwew b’suġġeremnti u proposti posittivi kif il-Union tista tkun aktar pro-attiva u fl-iestess ħin tilħaq aktar nies.
L-intervent tas-Segretarju Ġenerali Josef kien maqsum fi tnejn. Fl-ewwel parti is-Sur Vella għamel preżentazzjoni ddettaljata dwar l-operat tal-Union. Huwa spjega li l-UĦM mhix biss Union li tlaqqa l-ħaddiema u tiddiskuti collective agreements.
Wara dan kollu hemm operat għaddej li jinkludi servizz legali għal-membri tagħha, Home Assist u servizzi oħrajn kollha għad-disposizzjoni tal-membri affiljati magħha. Semma wkoll it-tneddija ta’ Call Centre fejn wieħed kull ma jkollu bżonn huwa li jċempel fuq numru wieħed u jkollu aċċess għas-servizzi kollha li toffri l-Union. Meta setax jonqos li jfakkar fl-eMagazine VOICE OF THE WORKERS, proġett ko-finanzat mill-Unjoni Ewropeja, l-ewwel proġett fuq dan il-livell f’Malta mniedi minn Union lokali.
Il-qofol tal-attivita kien id-diskors tal-għeluq. Is-Sur Vella appella għal-għaqda fost il-ħaddiema u l-membri tagħha u biex ma jibżgħux jitkellmu w’jsemmaw leħenhom fuq il-post tax-xogħol. Fakkar li l-UĦM ma tibżaħ titkellem u hija it-tarka tal-ħaddiema membri tagħha u għalhekk appella li kull min irid li jkollu vuċi soda li titkellem għad-drittijiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol, għandu minnufih jissieħeb fil-UĦM.
Is-Sur Vella qal li l-Union mhix xi kelb tal-glied li tkeskes biss meta jkollok bzonnha. Il-Union qiegħda hemm biex taqbeż għall-membri tagħha kull meta jkun il-bżonn u mhux għal min irid juża kif jaqbillu. Dan id-diskors imqanqal intlaqat tajjeb ħafna minn dawk preżenti permezz ta’ ċapċip kbir.
Wara d-diskors tal-għeluq indaqq l-Innu Malti li segwa b’riċeviment għal dawk kollha preżenti. Is-seminar sar fis-Sala San Ġorġ Preca ġewwa Istitut Kattoliku.