Il-UĦM Voice of the Workers tifraħ lil Dr. Philip von Brockdorff wara li għadu kif inħatar rapporteur ewlieni tal-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea.
Dr. von Brockdorff huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta kif ukoll rappreżentant ta’ din il-union fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-UE.
Din il-ħatra qed tiżdied ma’ oħrajn li Dr. von Brockdorff ġew fdati lilu u dan huwa ta’ unur, mhux biss għalih personali, imma wkoll għal Malta b’mod ġenerali u għall-UĦM Voice of the Workers b’mod partikulari.
L-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea, kif proposta mill-Kummissjoni Ewropea, hija ta’ importanza partikulari fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa bħalissa kawża tal-COVID-19. Hija policy prinċipali tal-Unjoni Ewropea għax għandha x’taqsam mal-irkupru ekonomiku tal-UE.
F’reazzjoni għal din l-aħbar prestiġjuża, Dr. von Brockdorff stqarr li “bħal f’każijiet oħrajn fejn ġejt maħtur bħala rapporteur, hu mistenni li niltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati prinċipali sabiex inħejji rapport (li trid issir votazzjoni fuqu) u jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea bħala dokument uffiċjali tal-EESC. Dan id-dokument se jkun qed jinkludi lista ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni hija marbuta legalment biex tikkunsidra b’risq l-irkupru ekonomiku Ewropew”.
Dr. von Brockdorff żied li ma kienx qed jistenna din il-ħatra importanti u saħaq “li din hija kisba oħra għal UĦM Voice of the Workers”.
Intant b’rabta mal-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea se tkun qed issir konferenza fi Brussell f’Novembru li ġej fejn Dr. von Brockdorff se jkun qed jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea.