Il-UĦM Voice of the Workers kellha laqgħa ta’ kortesija ma’ Frank Psaila, kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir f’Mejju tas-sena d-dieħla.
Frank Psaila ntlaqa’ minn Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers kif ukoll minn Jesmond Bonello, Direttur; Edwin Balzan, Assistent Direttur; u Gian Paul Gauci, Assistent Direttur tal-UĦM. Hu kien akkumpanjat minn Ivan Castillo, President ta’ Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).
Fl-introduzzjoni tiegħu, Frank Psaila stqarr li fejn jidħol il-qasam tax-xogħol, l-aktar suġġetti li qed iħassbu lill-unions, partikularment lil UĦM Voice of the Workers, huma l-ħaddiema barranin u d-diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom il-ħaddiema Maltin, il-pensjonijiet u l-prekarjat.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li l-preżenza tal-ħaddiema barranin qed tkun ta’ theddida għall-proċess tan-negozjar kollettiv fil-pajjiż. Diġa’ qed inħossuha llum u jekk l-affarijiet ma jinbidlux, fi ftit żmien ieħor dan il-fenomenu jista’ jiżviluppa fi kriżi. Hu saħaq li l-Gvern irid jara li jkun hemm l-liġi applikata tal-equal pay for job of equal value u allura importanti li l-ħaddiema barranin jiġu offruti kundizzjonijiet daqs tal-Maltin. B’hekk jassigura level playing-field u jnaqqas l-abbuż.
Barra minn hekk din il-union ilha tipproponi li l-ħaddiema għandhom ikunu membri ta’ union tal-għażla tagħhom. Wasal iż-żmien li l-Gvern jimplimenta l-proposta ta’ din il-union li kull ħaddiem ikollu kuntratt tax-xogħol reġistrat biex nassiguraw li l-kuntratti jirriflettu l-liġi u l-kundizzjonijiet stabbiliti ma jibqgħux fuq l-ixkaffa. S’issa m’hemmx rieda politika jew ħeġġa mill-Gvern biex jenforza s-suq tax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser li kieku kellna nwarrbu s-settur pubbliku, l-iGaming u s-settur finanzjarju, ikollna paga medja ta’ €16,000. Din hi ċifra verament baxxa meta wieħed jikkunsidra l-għoli tal-ħajja li għandna. Hemm barra jeżisti s-sentiment li mhux kulħadd sejjer tajjeb. Jekk ma tkunx impjegat fis-settur tal-iGaming, mal-Gvern jew fis-settur finanzjarju, m’intix milqut tajjeb. Anzi qed tintlaqat ħażin. B’hekk għandna l-ewwel sfida.
Frank Psaila rrefera għall-problema tal-Early School Leavers fejn diversi żgħażagħ qed iħallu l-iskola qabel is-16-il sena b’nuqqas ta’ ħiliet biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Fil-laqgħa saret referenza dwar it-Tribunal Industrijali u Josef Vella saħaq li flok ikun immexxi minn Chairperson, dan it-Tribunal jibda jitmexxa minn Maġistat u l-membri fuq it-Tribunal ikunu esperti jew ikollhom għarfien dwar il-liġi industrijali.
Hu kompla li l-Gvern irid joħloq aktar inċentivi dwar id-djalogu soċjali u saħaq dwar il-bżonn li l-istatistika tissaħħaħ u tkun aġġornata għaż-żminijiet tal-lum. Hu qal li jinħass il-bżonn li fil-Bord tal-Istatistika jkun hemm l-impenn tal-imsieħba soċjali bl-iskop li jitfassal ftehim dwar x’jista’ joħroġ mill-istatistika.
Barra minn hekk hu qal li l-mekkaniżmu tal-COLA jrid jiġi aġġornat jew inkella nikkunsidraw il-Living Wage.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ukoll tkellem dwar il-pensjonijiet tat-Tieni Pilastru u qal li s’issa m’hemm ebda interess mill-Gvern biex jintroduċihom. Hu qal li għandu jkun hemm pjan sabiex il-pagi tal-ħaddiema jogħlew. Josef Vella wissa li l-Unjoni Ewropea għad tissikkana dwar il-pensjonijiet għax ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq il-pensjoni tal-istat. Hu fisser il-pensjoni tat-Tieni Pilastru bħala l-‘pensjoni taż-żgħażagħ’ għax jeħtieġ li ż-żgħażagħ isibu l-adekwatezza u jitgħallmu jfaddlu għaż-żmien li ġej.
Josef Vella temm li r-riċerka għal aktar studji u l-edukazzjoni lill-pubbliku dwar il-benefiċċji tal-Pensjoni tat-Tieni Pilastru huma elementi importanti sabiex din is-sistema ta’ finanzjar tirnexxi wkoll f’Malta bħalma qed titħaddem u rnexxiet fil-maġġoranza tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.