Il-UĦM Voice of the Workers u l-General Workers’ Union iltaqgħu ma’ Gabriele Bischoff, il-President tal-Grupp għall-Ħaddiema fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) fil-bini tal-GWU, il-Belt l-Erbgħa 10 ta’ Mejju 2017.
Matul din il-laqgħa, li għaliha attendew fost oħrajn Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, u Dr. Philip von Brockdorff, ir-rappreżentant ta’ din il-union fil-EESC, ġew diskussi diversi kwistjonijiet marbutin mar-relazzjonijiet industrijali, bħall-importanza tad-djalogu soċjali. Saret ukoll diskussjoni dwar il-problema tal-immigrazzjoni, il-Pilastru Ewropew dwar id-Drittijiet Soċjali kif ukoll il-futur tal-Unjoni Ewropea.
Din il-laqgħa saret bħala preludju għal-Laqgħa Straordinarja tal-Grupp għall-Ħaddiema fi ħdan il-EESC li se tkun qed issir fil-Lukanda Palace, Tas-Sliema bejn il-Ħamis 11 u l-Ġimgħa 12 ta’ Mejju 2017.
Il-Laqgħa Straordinarja tal-Grupp għall-Ħaddiema fi ħdan il-EESC, li se tkun qed titlaqqa’ f’Malta, hi ta’ importanza partikulari għax se tkun opportunita’ biex wieħed jiddiskuti kwistjonijiet prinċipali għall-Gvern Malti matul il-presidenza tal-Unjoni Ewropea. Hi wkoll importanti sabiex ikunu ppreżentati l-proposti tal-EESC, partikularment dawk tal-Grupp għall-Ħaddiema.