L-UHM Voice of the Workers timmarka s-60 anniversarju u tapprova bidliet importanti fl-istatut

L-UHM Voice of the Workers iċċelebrat Jum il-Ħaddiem permezz ta’ konferenza speċjali għad-delegati, li matulha ġie mfakkar ukoll is-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Waqt il-konferenza ġew ippreżentati u approvati diversi bidliet fl-istatut tal-UHM, li huma maħsuba biex isaħħu l-istruttura u jkomplu jimmodernizzaw il-ħidma tal-organizzazzjoni. Id-delegati preżenti approvaw unanimament dawn il-bidliet.

Fost l-aktar żviluppi sinifikanti kien hemm l-introduzzjoni tar-rwol ġdid ta’ Chairperson, kariga mhux eżekuttiva li se tikkontribwixxi għal governanza aktar bilanċjata u trasparenti. Barra min hekk ir-rwol ta’ Direttur inbiddel għal dak ta’ Direttur Ġenerali.

Fl-istess laqgħa ġew ukoll approvati l-ħatriet ta’ Sinjura Isabelle Farrugia bħala Deputat Kap Eżekuttiv u ta’ s-Sur Kenneth Abela bħala Aġent Direttur.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM, Josef Vella, ħabbar li mhux se jikkontesta għall-kariga tiegħu fil-kungress li jmiss, skedat għal Novembru 2026. Huwa indika li se jkun qed jikkontesta għall-kariga ġdida ta’ Chairperson, li hija rwol mhix eżekuttiva.

Is-Sur Vella spjega li dawn il-bidliet huma kruċjali biex l-UHM tibqa’ organizzazzjoni moderna, effettiva u relevanti għall-ħaddiema tal-lum u tal-futur.

Il-konferenza tal-lum kienet pass importanti biex tiġi żgurata kontinwità fit-tmexxija, partikularment fil-karigi ta’ Kap Eżekuttiv u Direttur Ġenerali.