fbpx

Il-UĦM tordna azzjoni industrijali fid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER)

It-Taqsima għas-Servizz Pubbliku fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) illum daħlet fis-seħħ numru ta’ direttivi lill-Ispetturi tar-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA Inspectors).

Id-direttivi maħruġa, u li daħlu fis-seħħ dalgħodu, huma sabiex l-EIRA Inspectors ma jagħmlux użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni bħal email, telefon, mobile u faxes.  Din l-azzjoni industrijali daħlet fis-seħħ wara li l-UĦM ilha diversi xhur tistenna kontro-proposti min-naħa tal-Gvern.  Il-UĦM kellha l-aħħar laqgħa ma’ l-amministrazzjoni fl-20 ta’ Mejju 2015, iżda minn dak inhar ‘il hawn ma ngħatat ebda tweġiba u ma rriżulta ebda żvilupp minkejja li din il-union ġiet imwegħda li fi ftit jiem se tkun qed toħroġ sejħa għall-applikazzjoni sabiex jiżdiedu l-ħaddiema f’dan il-post tax-xogħol.

Ix-xogħol ta’ l-EIRA Inspectors huwa sabiex ikunu mħarsa l-interessi tal-partijiet f’kuntratti tal-impjiegi fis-setturi kollha tal-ekonomija Maltija u li jiġu promossi relazzjonijiet ta’ impjieg tajba. Dawn huma l-ħaddiema li jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ kull impjegat ikunu f’konformità mal-liġi tax-xogħol u  li jassiguraw li d-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ kull parti fil-kuntratt tax-xogħol jiġu mħarsa.  Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema jipproteġu d-drittijiet tal-impjegati li l-impjieg tagħhom jiġi tterminat.  Dan ix-xogħol kollu isir kemm meta ħaddiema jirrikorru għand id-Dipartiment, kif ukoll permezz ta’ spezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol.

Il-UĦM temmen bi sħiħ li dawn il-ħaddiema jistħoqqilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar anke meta wieħed jipparaguna l-livell ta’ responsabbiltà li għandhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ma’ ħaddiema oħrajn fis-Servizz Pubbliku.

Il-UĦM tappella wkoll lill-amministrazzjoni sabiex issaħħaħ dan il-qasam, anki fejn jidħol in-numru ta’ ħaddiema. Dan biex ikunu salvagwardjati aktar il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment