Il-UĦM: Il-burokrazija żejda ma tiġġustifikax il-privatizzazzjoni
Il-UĦM Voice of the Workers topponi t-trasferiment lill-privat tax-xogħol tal-uffiċjali ta’ Transport Malta, tal-LESA u tal-Pulizija, kif propost mill-Malta Development Association għall-immaniġġjar tat-traffiku waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Billi l-kwistjoni tinvolvi diversi ministeri u entitajiet, il-UĦM diġà kitbet lill-Prim Ministru għal laqgħa urġenti dwar l-implikazzjonijiet għas-servizz u għall-uffiċjali.
Il-Union tifhem l-inkonvenjent tad-dewmien għar-residenti, għall-ħaddiema u għan-negozji. Il-pubbliku jixraqlu servizz effiċjenti, sigur u f’waqtu, u għalhekk il-kawżi għandhom jiġu identifikati u indirizzati.Skont l-NSO, f’Mejju 2026 is-settur pubbliku kellu 55,960 impjieg full-time. Il-Gvern għandu jispjega kif qed jippjana u jalloka r-riżorsi. Għall-UĦM huwa inaċċettabbli li xogħol pubbliku jiġi privatizzat minħabba diffikultajiet li jeħtieġu tmexxija, ippjanar u koordinazzjoni aħjar.
Il-UĦM topponi din id-direzzjoni neoliberali u tinsisti fuq investiment fl-effettività tas-servizz pubbliku. L-Istat għandu jiżgura amministrazzjoni kapaċi twettaq dmirijietha. Il-burokrazija żejda u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni li jistgħu jfalluha għandhom jitneħħew qabel ma jintużaw biex jiġġustifikaw il-privatizzazzjoni.
Il-UĦM tinsisti fuq eżami tal-proċessi tal-booking, tal-approvazzjoni u tal-allokazzjoni tad-dmirijiet. Uffiċjali pubbliċi disponibbli u eliġibbli għandhom jingħataw l-opportunità jwettqu dan ix-xogħol, b’rispett lejn ir-rekwiżiti tas-sigurtà tagħhom.
Il-unjin tinsisti li ebda deċiżjoni ma tittieħed qabel diskussjonijiet mal-awtoritajiet u mat-trade unions rispettivi. Il-UĦM tibqa’ lesta tikkontribwixxi għal soluzzjonijiet li jnaqqsu d-dewmien, isaħħu s-servizz lill-pubbliku u jħarsu x-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali.