F’laqgħa li saret f’Palazzo Ferreria ma’ Dr Michael Farrugia, Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Ministru żvela r-ristruttutar tal-Aġenzija Appoġġ u l-Aġenzija Sedqa lill-kumitat tal-ħaddiema tal-appoġġ fi ħdan l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM).
Hija xewqa tal-gvern li l-fondazzjoni li hija mwaqqfa b’att notarili tinbidel f’Aġenzija li jkollha struttura u forma legali. Jidher li l-Aġenzija Sapport mhux se tkun fi ħdan din l-Aġenzija.
Il-Ministru qal li hija l-intenzjoni tal-gvern li jħares lejn il-klijenti b’mod iktar ħolistiku u li s-servizzi eżistenti jiġu ristrutturati fi tliet pilastri taħt aġenzija waħda. It-tliet pilastri huma Family Unit, Community Unit u Child in Care Unit.
Il-kumitat tal-ħaddiema tal-UĦM se jkun qed jiltaqa’ mal-ħaddiema fil-jiem li ġejjin. Il-ministru qal li se jkun hemm konsultazzjoni sħiħa mal-UĦM bil-għan li l-istrutturar ma jkunx ta’ detriment għall-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kif ukoll li l-esperjenza, l-etika u l-għarfien tal-professjoni tal-ħaddiema soċjali jiġu mħarsa.
Sadanittant il-UĦM ser iżżomm konsultazzjoni sħiħa mal-membri tagħha bil-għan li l-istrutturar ma jaffetwa bl-ebda mod negattiv lill-ħaddiema kkonċernati.