It-tmexxija tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) għamlet żjara ta’ kortesija lill-General Workers’ Union wara li Josef Bugeja, fil-jiem li għaddew, ħa f’idejh it-tmun tal-GWU. Iż-żjara ta’ kortesija saret fil-Workers’ Memorial Building, il-kwartieri tal-GWU, fil-Belt.
Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, li kien akkumpanjat minn Jesmond Bonello u Edwin Balzan, il-President u l-Viċi President rispettivament, awgura lil Josef Bugeja bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-GWU u saħaq li l-kariga ta’ segretarju ġenerali ta’ union hi ta’ responsabbilta’ kbira u li tkopri sfidi kbar.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qed jittama li ż-żewġ unions jkunu kapaċi jiffokaw fuq dawk l-oqsma li huma jaqblu fuqhom. Josef Vella awgura lil Josef Bugeja biex ikun hemm titjib fir-relazzjoni personali u professjonali ta’ bejniethom li tawgura tajjeb għas-settur tax-xogħol, il-ħaddiema u l-familji tagħhom, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ.
Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, qal li hu wkoll qed jittama li ż-żewġ unions, li kultant kienu f’konflitt fil-passat, jaħdmu flimkien għall-ġid tal-ħaddiema. Hu qal li hemm numru żgħir ta’ differenzi bejn iż-żewġ unions, imma lkoll qed jaħdmu għall-interessi tal-ħaddiema u l-familji tagħhom. Josef Bugeja żied li l-politika m’għandhiex tkun ta’ xkiel fil-ħidma tal-UĦM u tal-GWU.
F’kummenti lil Voice of the Workers, Josef Vella qal li hu “importanti li mill-kliem ngħaddu għall-fatti” u dan b’referenza għar-relazzjoni professjonali bħala segretarji ġenerali.
Min-naħa tiegħu, Josef Bugeja qal li “nistgħu ma naqblux fuq il-metodi wżati lejn fejn irridu naslu, iżda nistgħu naqblu dwar x’inhu l-aħjar għall-ħaddiema, iż-żgħażagħ u l-pensjonanti”.
Preżenti għal din iż-żjara ta’ kortesija kien hemm ukoll Victor Carachi u Kevin Camilleri, il-President u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU rispettivament.