fbpx

Il-UĦM tieħu sehem f’konferenza dwar l-intrapriża soċjali

Il-Union Ħaddiema Magħqudin ħadet sehem f’konferenza organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa dwar l-Intrapriża Soċjali. Isabelle Farrugia, is-Segretarju  tat-Taqsima għall-Edukazzjoni u l-Kura, irrapreżentat lill-UĦM matul din il-konferenza u għamlet diskors tal-okkażjoni.

Hi qalet fost oħrajn li  l-intrapriżi soċjali jissodisfaw żewġ irwoli bażiċi: dak ekonomiku kif ukoll dak soċjali. F’termini ta’ irwoli  ekonomiċi, dawn  jipprovdu attivita’  kontinwa billi jipproduċu u jbigħu provvisti u servizzi. F’termini ta’ funzjonijiet soċjali, l-intrapriżi soċjali huma msaħħa  b’inizjattiva ta’ persuni midħla f’dan is-settur. 

Dwar  l-Att tal-Intrapriża Soċjali, Isabelle Farrugia qalet li l-għanijiet prinċipali tiegħu jinkludu l-benefiċċju tal-komunita’ fejn taħdem, kif ukoll l-avvanz fl-edukazzjoni u s-saħħa, bħall-edukazzjoni fiżika u l-isport. L-intrapriżi soċjali wkoll jistinkaw għal inklużjoni soċjali,  fosthom, l-integrazzjoni tal-persuni  li huma żvantaġġjati, kif ukoll l-avvanz tal-kultura, l-arti u l-wirt nazzjonali. 

Isabelle  Farrugia sostniet li f’Malta, l-intrapriżi soċjali jaħdmu l-aktar permezz tal-organizzazzjonijiet  mhux governattivi. Fil-fatt, l-intrapriżi soċjali jattiraw kważi 24,000 voluntier. Madankollu, waħda mill-problemi f’Malta hi meta l-intrapriżi soċjali jagħmlu l-istess xogħol. 

Is-Segretarju tat-Taqsima qalet li l-mudell ta’ negozju  li jqarreb lejn l-għanijiet, l-oġġettivi u l-ħidma tal-intrapriżi soċjali hu dak tal-kooperattivi.

 Hi żiedet li l-intrapriżi soċjali huma aktar  addattati sabiex joffru family-friendly  measures, u jistgħu jkunu  indirizzati lejn  grupp speċifiku ta’ ħidma, komunita’ partikulari jew persuni żvantaġġjati.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment