fbpx

Ħtieġa ta’ tisħiħ fir-regolamenti dwar is-Saħħa u s-Sigurta’

“Għandna niffokaw il-ħidma tagħna b’mod  proattiv sabiex insaħħu s-Saħħa u s-Sigurta’, mhux biss fil-postijiet tax-xogħol, imma anki f’postijiet ta’ divertiment”.

Dan sostnih Josef Vella,  is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) f’kelmtejn tal-okkażjoni matul żjara ta’ kortesija li delegazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU) għamlet fil-bini tal-UĦM, il-Furjana lbieraħ filgħodu.

Id-delegazzjoni tal-GWU, li kienet  immexxija  minn Josef Bugeja, bħala  s-Segretarju Ġenerali, u minn Kevin  Camilleri bħala Deputat Segretarju Ġenerali, irreċiprokat żjara ta’ kortesija oħra li  kienet saret mill-UĦM  fl-okkażjoni tal-ħatra ta’ Josef Bugeja fit-tmun  tal-GWU. Preżenti kien hemm ukoll Jesmond Bonello u Edwin Balzan, il-President  u l-Viċi President tal-UĦM rispettivament.

Josef Vella stqarr li s-Saħħa u s-Sigurta’ fil-Post tax-Xogħol hu wieħed mill-punti li ż-żewġ unions jaqblu fuqu. Hu  stieden lill-GWU sabiex iż-żewġ unions iniedu programm ta’ ħidma dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fid-dawl tal-inċident li seħħ f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM stqarr li meta wieħed jara inċident ikraħ  bħal dan jistaqsi kemm il-postijiet tax-xogħol kif ukoll il-ħaddiema u l-pubbliku li jiffrekwentawhom, humiex ħielsa mill-periklu. Għaldaqstant, sostna Josef Vella, għandna nkunu proattivi sabiex nevitaw id-diżgrazzji.

B’referenza għal dak li ġie rrappurtat fil-media, Josef Vella qal li wieħed m’għandux jagħmel ballun politiku minn dan l-inċident; wieħed ukoll m’għandux janalizza kemm saru inċidenti taħt leġislaturi preċedenti għax fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu fuq il-persuni. “Dan mhux żmien fejn wieħed joqgħod iwaħħal f’xi ħadd imma hu l-mument fejn għandha tittieħed azzjoni bis-serjeta’,”sostna Josef Vella filwaqt li żied li “l-kritika mhi se tagħmel xejn għajr li tkompli tweġġa’ lill-qraba taż-żgħażagħ li sfaw midruba”. Għalhekk, kompla s-Segretarju Ġenerali tal-UĦM, il-unions għandhom jingħaqdu u jisħqu dwar il-qasam tas-Saħħa u s-Sigurta’.

Min-naħa tiegħu, Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, jaqbel li l-edukazzjoni u t-taħriġ ukoll għandhom jilgħabu parti kbira. Hu stqarr li min iħaddem għandu jirrispetta d-dmirijiet u l-obbligi fejn jidħlu s-Saħħa u s-Sigurta’, iżda l-ħaddiema wkoll għandhom ikunu  responsabbli u josservaw ir-regolamenti.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment