fbpx

“Id-Demokrazija industrijali hi mhedda”

UĦM Voice of the Workers qed terġa’ tisħaq ma’ Autobuses de Leon, l-operatur li jħaddem it-trasport pubbliku f’Malta, sabiex jibgħat notifika ta’ għarfien mill-aktar fis u jagħti d-dritt lil din il-union sabiex tibda tinnegozja  għan-nom tal-ħaddiema.

F’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet illejla, Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’  UĦM Voice of the Workers, stqarr li l-union kienet qed tbiddel l-azzjoni industrijali tagħha  u ordnat lix-xufiera tal-karozzi  tal-linja sabiex b’mod immedjat ma  jsuqux vetturi ta’ 12-il metru tul u aktar. Ix-xufiera ġew ukoll ordnati biex ma jilbsux l-uniformi tagħhom sakemm il-kwistjoni tar-rikonoxximent tissolva ruħha.

Josef Vella qal li ma jistax jifhem  kif il-kumpanija Autobuses de Leon kienet qed twebbes rasha minflok ma tpoġġi madwar il-mejda u tibda tinnegozja.

Illum  wara nofsinhar, f’mandat  ta’ inibizzjoni li ntbagħat lill-UĦM, din il-union kienet qed tinżamm responsabbli tal-konsegwenzi kollha jekk ix-xufiera ma  jobdux l-ordni tal-Qorti.

Il-Kap  Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers staqsa għaliex qed  isir dan id-dewmien kollu mill-kumpanija Spanjola sabiex tagħti d-dritt  ta’ assoċjazzjoni lill-ħaddiema tal-MPT.

Josef   Vella qal li  Autobuses de Leon mhux qed timxi  sew  mal-ħaddiema, anzi qed timxi b’id tal-ħadid magħhom. “Il-UĦM mhu se tħalli  lil ħadd min jiġbidha  minn imneħirha; ma jistax ikun li l-UĦM għaddiet mill-eżerċizzju ta’ verifika u għadha  qed titħalla fl-għama”.

Id-demokrazija industrijali qed tiġi mhedda….il-UĦM tisħaq li dak li hu bi dritt għandu  jingħatalha b’mod sħiħ”, temm jgħid Josef Vella.

Josef Vella żied jgħid illi fejn il-Management jonqos milli jagħraf Union illi ppruvat il-maġġoranza tagħha, għandu jkun il-Gvern illi jassumi ir-responsabbilta’ li jagħti l-għarfien lill-Union. Hu għamilha ċara li l-Gvern ma għandux jaħsel idejh f’dan ir-rigward imma għandu jara li d-demokrazija industrijali titħaddem b’mod sħiħ.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment