Il-UĦM Voice of the Workers rebħet ir-rikonoxximent tal-ħaddiema tal-Malta Freeport Terminals wara votazzjoni mifruxa fuq jumejn u li ntemmet proprju ftit tal-ħin ilu. B’hekk wara 334 ġurnata, il-UĦM reġgħet ħadet ir-riedni f’idejha u l-maġġoranza tal-ħaddiema għażlu lil din il-union minflok il-General Workers’ Union (GWU) biex tkun ir-rappreżentant tagħhom.
275 vot kienu favur il-UĦM Voice of the Workers filwaqt li 254 kienu favur il-GWU.
Għalhekk dan wassal biex il-ħaddiema kisbu dak li ħadmu għalih u li b’d
eterminazzjoni riedu li jseħħ. Ir-riżultat tal-votazzjoni hi rebħa kbira għal UĦM Voice of the Workers u l-attivisti tagħha, fosthom il-membri tal-kumitat, li ħadmu qatigħ sabiex jaraw lil din il-union tkun preżenti b’mod iżjed attiv fil-Freeport.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li dan huwa vot għal-ħaddiema għaliex reġgħet inkisbet il-maġġoranza fil-Freeport wara 334-il ġurnata. Tenna wkoll li issa jistenna li l-Maniġment jgħati l-ittra tar-rikonoxximent lill-UĦM b’mod immedjat sabiex fi żmien tlitt xhur jiġi konkluż Ftehim Kollettiv ġdid għal-ħaddiema.
Kenneth Abela, Employment Relations Manager tas-Sezzjoni Port u Trasport żied li l-ħaddiema, wara li ppruvaw lil Union oħra, dawn indunaw li din mhux veru kienet qed taħdem fl-interess tagħhom u iddeċidew li jerġgħu jagħtu fiduċja lill-UĦM Voice of the Workers.
Għaldaqstant minn għada il-UĦM Voice of the Workers se tkompli bil-ħidma tagħha fil-Malta Freeport Terminal sabiex tara li l-ħaddiema ta’ din il-kumpanija jiksbu lura titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u jkollhom il-garanzija li l-UĦM se tkun hemm biex tħares drittijiethom.
Bla dubju din il-union se tkun qed taħdem u tistinka biex bħalma wiegħdet lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport, li jsiru negozjati dwar ftehim kollettiv fi żmien tliet xhur, hekk ukoll jiġri mal-ħaddiema tal-Freeport.
Il-proċess ta’ votazzjoni tmexxa mid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) fil-Malta Freeport Terminal stess. Il-proċess sar billi l-ħaddiema ngħataw karta tal-votazzjoni li fuqha kellhom mistoqsi jekk humiex membri f’union u liema union iridu li tirrapreżentahom.
Il-ħaddiema li setgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni kienu skont il-listi ta’ ħaddiema msieħba fil-unions provduti mill-managment tal-kumpanija u miż-żewġ unions rispettivi. Dawn il-listi tqabblu mill-uffiċjali tad-DIER qabel il-votazzjoni fil-jiem li għaddew. Minbarra uffiċjali tad-DIER, preżenti jsegwu l-andament tal-votazzjoni kien hemm rappreżentanti tal-UĦM Voice of the Workers u tal-GWU.
Kollox ma’ kollox dan il-proċess ikkonferma li l-GWU tilfet ir-rikonoxximent f’post tax-xogħol kbir, wara li l-ħaddiema msieħba magħha rriżenjaw għax ma kinux kuntenti bis-servizz li ngħata matul dawn ix-xhur kollha.
Għal UĦM Voice of the Workers, dan ir-riżultat jikkonferma kemm il-ħidma tagħha hi kredibbli, determinata, persistenti u kompetenti. Fuq kollox, ir-rebħa fil-Malta Freeport Terminal ukoll tikkonferma li s-sewwa jirbaħ żgur!