fbpx

Inraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar!

Sitwazzjoni imbarazzanti oħra għall-Gvern seħħet proprju ftit tal-jiem ilu meta diversi studjużi tax-xjenza żaru dik li kellha tkun konferenza f’Malta. Iżda malli rifsu pajjiżna, intqalilhom li l-post  inbidel u minflok f’Malta, il-konferenza ġiet trasferita għal New York.

L-istudjużi li żaru Malta, b’kollox 11, ġew minn pajjiżi ‘l bogħod bħal il-Kanada, l-Awstralja u l-Istati Uniti, sabiex jattendu l-konferenza tal-Jum Internazzjonali għan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Frar.

Il-Ministru Helena Dalli attendiet l-avveniment fi New York proprju nhar  il-Festa ta’ San Pawl flimkien ma’ dinjitarji, studjużi u rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjeta’ ċivili.

Jidher li l-post fejn kellha ssir il-konferenza nbidel xi sitt ġimgħat ilu għall-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. Iżda l-11-il studjuż li ġew Malta ma kinux infurmati bil-bidla u din is-sitwazzjoni rrabjathom ħafna. U bir-raġun! Id-deċiżjoni biex il-konferenza tkun trasferita għal New York ittieħdet  lejn l-aħħar ta’ Diċembru iżda din qatt  ma kienet ikkomunikata pubblikament.

Voice of the Workers bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil Reuben Sciberras, il-Communications Coordinator tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili.

Mistoqsi minn dan il-portal għaliex ma ntbagħtitx xi forma ta’ komunikazzjoni lill-istudjużi li l-laqgħa ġiet trasferita minn Malta għal New York,  Reuben Sciberras qal li din il-konferenza kienet  organizzata bi sħab mar-Royal Academy of Science International Trust (RASIT). Hu stqarr li filwaqt li l-Ministeru ħa ħsieb il-kuntatti ma’ stati membri tan-Nazzjonijiet Uniti u  għaqdiet governattivi internazzjonali, l-istudjużi u rappreżentanti oħrajn ma kinux mistednin mill-Gvern Malti.

Voice  of the Workers staqsa għaliex l-istaff tal-Ministeru ma aġixxiex kif suppost  biex jinforma lill-istudjużi bil-bidla fil-post, Reuben Sciberras irrepeta li l-impjegati tal-Ministeru informaw lil kulmin kien mistieden Malta direttament. Hu saħaq li l-Ministeru ma kienx responsabbli mill-istudjużi.

Staqsejna wkoll x’għamel il-Gvern biex indirizza s-sitwazzjoni. Il-Communications Coordinator tal-Ministeru żied li meta ftit jiem qabel il-Ministeru sar jaf li kienu se jaslu xi studjużi li suppost kienu  avżati bil-bidla, il-Ministeru ħa  l-passi billi organizza l-possibbilta’ ta’ telekonferenza li għaliha attendew 11-il studjuż li  baqgħu Malta.

Iżda mhux l-istess jingħad għal diversi persuni oħrajn li hu mifhum li marru lura d-dar immedjetament meta ġew infurmati bit-taħwida, tant  li ma attendewx it-telefonferenza.

Każ fejn inraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar!

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment